Notifiki

Btala ta’ ġimgħa: Kapriċċ jew bżonn?

• L-ISTATISTIKA TURI LI IKTAR MALTIN JAFFORDJAWHA

• JIBQA’ DAWK LI GĦALIHOM ĠIMGĦA XI MKIEN HI SPIŻA KBIRA

Beda Awwissu u d-diskussjoni ta’ ħafna tibda ddur dwar fejn se jieħdu dawk il-ħamest ijiem jew ftit iktar ta’ mistrieħ. Btala barra minn pajjiżna tkun l-iżvog ta’ eluf li jfittxu li jaqtgħu xi ftit mir-rutina ta’ kuljum u filwaqt li jsibu ftit ħin għalihom jew għall-familja, jerġgħu jieħdu l-enerġija biex ikomplu b’ħidmiethom u bl-impenji tal-ħajja. Statistika tal-Unjoni Ewropea ppubblikata fl-aħħar jiem tixhed kif żdiedu bil-bosta dawk li flaħħar snin bdew jifilħu jħallsu għal ġimgħa bogħod mid-dar.

In-numri jixhdu li l-ikbar tnaqqis kien mal-bidla fl-amministrazzjoni. Minn 55.5% li fl-2013 ma kinux jifilħu jħallsu għal vaganza barra minn pajjiżna dawn illum niżlu għal 36.8%. Pajjiż- na jinsab fin-nofs meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li wieħed jieħu gost li hemm ħafna iktar persuni li jifilħu jħallsu għal ħaġa bħal din, hemm min jitħasseb kif għal wieħed minn kull tlieta xorta waħda din hi xi ħaġa li mhix possibbli. Il-mistoqsija li tqum hawn hi jekk din il-ġimgħa btala fuq kollox hix bżonn. Ma ngħaddux mingħajrha? Mhix kapriċċ? Attivisti soċjali ma jaqblux li btala hi kapriċċ.

Charles Miceli mill-Alleanza Kontra l-Faqar jargumenta li “l-bniedem ikollu bżonn jaqta’ ġimgħa mqar darba fis-sena mill-istress tal-ħajja għaliex l-istress qiegħed jikkaġuna problemi.” Jgħid li għalhekk, għalkemm ma jidhirx li huwa bżonn u ħafna min-nies jarawh bħala kapriċċ, li mqar tmur ġimgħa xi mkien huwa bżonn spiritwalment u mentalment. Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà tas-Social Wellbeing fl-Università ta’ Malta, għandu ħsibijiet simili. “Vaganza illum il-ġurnata hija kkunsidrata bħala bżonn. Ma ninsewx li oriġinarjament meta kienet qed tiġi strutturata l-ġurnata tax-xogħol l-idea kienet ta’ tmien sigħat xogħol, tmien sigħat mistrieħ, jiġifieri rqad u tmien sigħat ta’ divertiment jew passatemp li inti tista’ tirrilassa bih. Jiġifieri l-kunċett ta’ mistrieħ huwa kunċett fundamentali fil-ħajja tax-xogħol,” jgħid Azzopardi li jinnota li l-istil ta’ ħajja llum ma tgħinx għaliex il-ħinijiet infirxu fejn bit-teknoloġija tista’ taħdem middar u allura saret diffiċli ħafna biex taqsam il-ġurnata fi tlieta.

“Għalhekk, għall-mistoqsija tiegħek, iva l-mistrieħ, il-vaganza hija neċessarja, fundamentali għall-wellbeing tal-persuna,” jgħid Azzopardi.

Orħos, iżda…

Forsi argument li jsegwi hu dwar kif meta l-low cost saru parti minn ħajjitna għad hawn min isibha diffiċli jippakkja bagalja u jtir. “Vera li qabel biex tivvjaġġa, biex taqbad ajruplan, kien ikollok bżonn mill-inqas ħames mitt lira Maltin, kważi aktar minn elf ewro biex taqbad ajruplan. Illum il-ġurnata dik l-ispiża naqset ħafna, però l-ispiża tal-ivvjaġġar, l-ispiża tal-vaganza mhux dik biss, jiġifieri inti għandek koppja jixtiequ jivvjaġġaw bl-ajruplan, jaqbdu t-trejn, għandek il-hotel, mort tiekol, mort tixtri, jiġifieri l-ispiża titla’ anki jekk tagħmel vaganza normali biex ngħid hekk. Jiġifieri inti ma tonfoqx ħafna spejjeż imma għal vaganza ta’ ħamest ijiem għandek bżonn probabbli package ta’ madwar elf ewro jew ftit inqas kull persuna,” jgħid Azzopardi li jfisser kif illum sirna iktar sofistikati. “Il-benchmark tagħna ta’ x’inhi vaganza, anki bażika, jista’ jkun li hi ħafna iktar għolja milli kif kienet fl-imgħoddi,” kompla jargumenta. Quddiem dan kollu Miceli jgħid li mhux faċli għal min m’għandux ħafna dħul. “Hemm ħafna fatturi għalfejn iżommu lura jiġifieri ħafna drabi huma fatturi ekonomiċi, finanzjarji. Jekk persuna għandha paga minima jew għandha pensjoni minima, din bilkemm tlaħħaq sal-aħħar tax-xahar aħseb u ara kemm se tfaddal biex tmur vaganza. Jiġifieri mbagħad hemmhekk il-prijoritajiet jiġu veru bażiċi jiġifieri tħallas ilkera, tiekol u tħallas id-dawl, u l-vaganza għalkemm hija bżonnjuża taqa’ lura fil-prijoritajiet tagħhom,” tenna Miceli.

Mhux tfaddal?!

Hemm min biex iġemmgħa biżżejjed jaqbeż sena u jsiefer kull sentejn. Oħrajn jagħżlu l-ġabra tax-xitwa biex joqogħdu ġewwa bil-għan li l-mawra barra minn xtutna fis-sajf jagħmluha dejjem. Jiġifieri jista’ jkun li min ma jagħmilx dan mhuwiex bilgħaqal. Charles Miceli jgħid: “Ma nistax neskludiha imma jekk inti għandek ħames mija pensjoni u għandek tliet mija biex tħallas il-kera, ma tantx hemm x’timmaniġġja. Jekk tmur is-supermarket minflok prodott tixtri ieħor u tiffranka ħames ċenteżmi imma jekk għandek 10 ewro, 10 ewro ħa jibqgħu mhux se jiġu mija. Iżda mhux qed neskludi li jkun hemm immaniġġjar ħażin ta’ flus. Imma ħafna drabi faċli ngħid immaniġġjar ħażin ta’ flus biex niskolpa l-kuxjenza.” Tal-immaniġġjar ħażin Azzopardi ma jeskludihiex. Però jisħaq ukoll li llum hemm bżonn li nitgħallmu l-limitazzjonijiet tagħna. “Fl-imgħoddi qed ngħid 20, 30 sena ilu, dak li konna nagħmlu, kull kapriċċ kienx vaganza, kienx karozza, kienx tixtri dar għas-sajf, tikrix timeshare, dan kollu kien ibbażat fuq l-ewwel x’inġemma’ u mbagħad x’nonfoq. Illum il-ġurnata għandek il-plastic money, jiġifieri tuża l-Visa mbagħad meta tiġi lura mill-vaganza ssib ruħek b’kont tal-Visa mill-art sas-sema u forsi tibda tirrealizza u tgħid madoffi nfaqt iktar milli kont qed nimmaġina jew ma tirrealizzax li qed tonfoq,” jgħid Azzopardi li jirrifletti wkoll dwar dawk li btala jagħmluha iżda forsi kultant b’ewro minfuqa iż- jed minn kemm jifilħu.

Fejn qed imorru?

Tkellimna wkoll ma’ persuni b’esperjenza fis-settur tal-ivvjaġġar biex nifhmu x’qed jagħż- lu l-Maltin. M’hemmx dubju li ż-żgħażagħ fil-maġġoranza tagħhom qed ifittxu btajjel għal rashom b’taħlita bejn xi mawra low cost, popolari ħafna, u mawriet iktar eżotiċi. Pawlu Testa, minn Pawlu Testa Travel, tenna kif l-elezzjoni kienet tidher li kien se jkollha impatt din is-sena. “Għall-ewwel qisu kien kwiet anki minħabba l-elezzjoni imma mbagħad wara l-elezzjoni qisha n-nies xorta ġiet,” qal Testa. Joe Borg, minn Hamilton Travel, qal li fl-aħħar ġimgħat ra li kien hemm żieda fil-btajjel mixtrija. Dan jirrifletti l-mod kif in-nies jagħżlu l-prijoritajiet tagħhom. “Għax in-nies illum qegħdin jemmnu fil-kwalità tal- ħajja, jippreferu jgħidulek ħa mmorru vaganza darba fis-sena jew darbtejn fis-sena u jew inaqqsu minn ċertu affarijiet li jagħmlu matul is-sena jew inkella jkunu kapaċi jieħdu over and above din il-ġimgħa jew ġimagħtejn żejda vaganza kull sena,” qal Borg.

Testa tenna li llum in-nies għandha għażla ikbar.

“Tinsiex li ħafna nies illum jibbukkjaw huma minn fuq l-internet li dak ma tistax tikkalkula eżatt naqsux in-nies jew żdidux. Jien min-naħa tal-aġenzija tagħna ngħid li baqgħu l-istess, bqajna hemmhekk, però ma jfissirx li ma żdidux lanqas għax jista’ jkun li hemm min ibbukkja minn fuq l-internet,” qal Testa li tenna wkoll li n-nies illum vaganza tkun tridha. “Tagħmel sena taħdem u mbagħad tiġi dik il-ġimgħa li bażikament tkun ilek taħdem sena dejjem tkun f’moħħok li ħa ssiefer,” sostna Testa li stqarr li l-pajjiżi Ewropej għadhom destinazzjonijiet popolari ħafna.

Jidher li l-parti l-kbira ta’ dawk li jagħżlu aġenżija tal-ivvjaġġar jippreferu li jmorru destinazzjonijiet short-distance l-iktar ta’ sagħtejn, sagħtejn u nofs u preferibbilment ta’ siegħa, siegħa u nofs għaliex l-ewwel nett id-distanza tkun iqsar u t-tieni l-prezz ikun inqas peress li l-ajruplan ħa jtir inqas u allura jkollhom budget kemm għalihom u kemm għall-familja u għall-qraba tagħhom. “Il-parti l-kbira jibqgħu familji u allura jkollok familji fifty u over fifty u over sixty.

Ħafna minnhom ukoll jiġu bil-familji u ħafna minnhom jiġu bil-qraba tagħhom u ħafna minnhom jiġu bil-ħbieb tagħhom,” qal Borg. Miegħu jaqbel Testa. “Jiġu wkoll ħafna familji. Familja għadha magħquda jiġifieri hemm ħafna li matul is-sena jaħdmu biex fis-sajf ikunu jistgħu jmorru vaganza mal-familja kollha. Il-familja matul is-sena ma tantx ikollha x-xorti kif inhi d-dinja llum li tiltaqa’ kollha u allura jkun hemm dik il-ġimgħa li jistennewha bil-ħerqa biex jieħdu vaganza flimkien,” temm jgħid anke b’esperjenza kbira tal-ivvjaġġar fl-isfond.

“BAXXI, MAĦMUĠA, FOLOZ” – kliem l-Uffiċju tal-Prim Ministru dwar l-aħħar tattiċi ta’ Busuttil

  •  Stqarrija mill-Uffiċju tal-Prim Ministru

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jerġa’ juri kemm hu falz u anki f’vaganza tal-familja li l-Prim Ministru ħallas minn butu bil-provi, qed jipprova juża tattiċi baxxi, maħmuġa u foloz.

Il-Prim Ministru mhux se jdum sena din id-darba biex jifqa’ l-bużżieqa tal-Kap tal-Oppozizzjoni bħal ma ġara fir-rigward tat-tielet kumpanija fil-Panama, iżda qed jiċħad mal-ewwel kull insinwazzjoni malizzjuża ta’ Dr Busuttil. Il-Prim Ministru għandu f’idu l-provi tat-transazzjonijiet kollha bankarji li saru fejn ħallas l-ammont indikat fil-karta tal-kreditu tiegħu. 

Ovvjament, min-naħa tiegħu Simon Busuttil jaffordja jmur vaganza mal-familja, kif għandu kull dritt jagħmel, għax il-kumpaniji tiegħu ħadu b’ €1 miljun direct orders fi żmien meta hu kien parti mill-Gvern.

Jagħmel sew Dr Busuttil jippubblika l-invoices foloz li ordna lill-kumpaniji tiegħu joħorġu bi ksur tal-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.

Kiri ta’ karozzi: minn issa, trid tħallas dak li tibbukja u mhux ċenteżmu iktar

Qatt xi darba bbukkjajt karozza minn fuq l-internet u tiskopri li jkollok tħallas aktar hekk kif tkun qiegħed fl-uffiċċju tal-kiri? Hekk ġralhom, is-sena li għaddiet, 2,000 konsumatur fl-Ewropa, li rrapportaw dawn il-kwistjonijiet liċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumaturi, li jgħinu lill-konsumaturi meta jivvjaġġaw jew jixtru minn Stat Membru li ma jkunx tagħhom.

Wara żieda qawwija fl-għadd ta’ lmenti rigward kwistjonijiet marbuta mal-kiri tal-karozzi, il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumaturi daħlu f’taħdidiet mal-ħames kumpaniji ewlenin tal-kiri tal-karozzi sabiex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati.

Aqra aktar

Malti telaq mix-xogħol biex idur id-dinja

“Selfie” b’kukkudrill fl-isfond immarka l-233 ġurnata minn meta Klejofa Agius, Malti ta’ 30 sena min-Naxxar, imbarka fuq il-vjaġġ tiegħu madwar id-dinja.

Huwa telaq l-impjieg tiegħu biex iwettaq ħolma li kienet ilha tberren f’moħħu għal diversi snin.
Beda mill-Italja fl-Ewropa, u mexa għall-kontinent Ażjatiku, fejn fost l-oħrajn żar it-Tajlandna, il-Myanmar, Laos, il-Kambodja, il-Vjetnam u l-Indoneżja.

Aqra aktar

Lukandi ta’ erba’ stilel sejrin tajjeb

 F’Mejju l-ammont ta’ nies li qattgħu lejl f’lukandi f’Malta kien 153,659. Kien hemm tnaqqis fl-iljieli li turisti qattgħu f’lukandi ta’ tliet u ħames stilel, iżda kien hemm żieda f’lukandi ta’ erba’ stilel. Infatti 48.5% tal-iljiet mqattgħin f’Malta kienu f’lukandi ta’ erba’ stilel.
Turisti qattgħu medja ta’ ħamest’iljieli f’pajjiżna f’Mejju li għadda. Fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, kien hawn żieda ta’ 2.8% fl-ammont ta’ turisti li qattgħu ljieli f’Malta, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Hawn Malta f’Mejju kien hawn 168 stabiliment li jakkomoda turisti, b’17,735 kamra tas-sodda u  39,028 sodda.

 

Send this to a friend