L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) qal li ma ma jistax konklussivament jaċċerta li l-valur tal-fondi investiti fis-servizz tat-trasport tal-iskejjel tal-Gvern qed jintlaħaq b’mod sħiħ.
F’rapport li l-iSpeaker poġġa fuq il-mejda tal-Kamra, n-NAO qal li dan is-servizz, mogħti mill-Gvern bla ħlas, għandu mportanza soċjali. Jiswa madwar €6.1 miljun fis-sena,u hu provdut permezz ta’ ħames kuntratti ta’ xogħol mis-settur privat, liema kuntratti huma amministrati mill-Education Logistics and Support Unit (ELSU) fi ħdan il-Ministeru għal-Edukazzjoni u x-Xogħol (MEDE).
L-NAO innota li l-mod ta’ kif huma miktubin il-kuntratti li jiggvernaw dan is-servizz jipproġetta sens ta’ klemenza eċċessiva lejn il-kuntratturi, filwaqt li jpoġġi lill-Gvern f’pożizzjoni dgħajfa meta jiġi biex jirregola s-servizz kif ukoll meta japplika penali għal prestazzjoni insodisfaċenti.