tfal – Page 5 – One News

Notifiki

Jammetti li ntrikeb mill-vizzju tal-pornografija tat-tfal u jitlob l-għajnuna tal-Qorti

Raġel ta’ 44 sena mis-Siġġiewi talab l-għajnuna tal-Qorti biex jegħleb il-vizzju li għandu għall-pornografija tat-tfal wara li tressaq il-Qorti minħabba li nstab ammont kbir ta’ pornografija tat-tfal fil-kompjuter tiegħu.

Kevin Mifsud affaċċja akkużi li żamm ritratti u filmati ta’ persuni taħt l-età jwettqu atti sesswali. Minn investigazzjonijiet li għamlet il-Pulizija jidher li t-tfal li jidhru fir-ritratti u l-filmati m’humiex Maltin, u li dawn kienu b’xi mod tniżżlu minn siti elettroniċi.

Mifsud ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, bl-avukati difensuri jgħidu li r-reat huwa riżultat ta’ problema psikoloġika, u talbu li l-Qorti tipprovdi l-għajnuna li l-akkużat għandu bżonn. Kevin Mifsud ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, li matulhom se jingħata sessjonijiet ta’ psikoterapija u kura medika oħra li għandu bżonn.

Il-Qorti ordnat ukoll li tkun ikkonfiskata l-pornografija li nstabet fuq il-kompjuter tal-akkużat, u titħassar.

Ftehim ta’ €2.4 miljun għal tfal li spiċċaw vittmi mingħajr ebda ħtija

Il-Gvern iffirma ftehim mal-Fondazzjoni Sebħ li kienet magħrufa bħala l-Fondazzjoni Ejjew Għandi li permezz tiegħu se jagħti għajnuna ta’ kważi żewġ miljun u nofs ewro għal tliet snin. Il-Public Social Parternship ġie ffirmat dalgħodu f’Dar Sagra Familja f’Ħaż-Żabbar, waħda mill-erbat idjar li se jkunu qed jibbenefikaw minn dan il-ftehim.

Din id-dar tilqa’ fi ħdanha tfal li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet negattivi fl-ambjent naturali tagħhom. Hawn jingħata servizz u appoġġ kbir lil tfal u adoloxxenti li sfortunatament jispiċċaw vittmi mingħajr ebda ħtija, bil-konsegwenza li jkollhom joħorġu minn dak l-ambjent.Aqra aktar

Kien ilu jinżamm arrestat 16-il xahar fuq traffikar ta’ droga u pussess ta’ pornografija tat-tfal

Keith Desmond Falzon, raġel ta’ wieħed u erbgħin sena minn Birżebbuġa ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €20,000 wara li ġie mixli bi traffikar ta’ droga u li kellu materjal pornografiku tat-tfal. Huwa kien ilu jinżamm arrestat għal dawn l-aħħar sittax-il xahar.

Falzon kien tressaq il-qorti mill-pulizija wara rejd li kienet għamlet f’Awwissu ta’ sentejn ilu f’garaxx tal-akkużat f’Birżebbuġa stess. Fil-garaxx instabu flus kontant, materjal pornografiku illegali u droga.

L-Imħallef Giovanni Grixti laqa’ t-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest wara li qies li għadda żmien biżżejjed biex il-Prosekuzzjoni tressaq ix-xhieda tagħha, fosthom tfal vulnerabbli li setgħu kienu vittmi ta’ abbuż sesswali iżda li kienu għadhom ma telgħux jixhdu.

Il-ġenituri m’għandhomx jinkwetaw jekk uliedhom jagħmlu ħin twil fuq il-kompjuter

Hemm ftit li xejn provi li jekk it-tfal iqattgħu ħin twil quddiem il-kompjuter ikunu qed jagħmlu l-ħsara. Riċerka li saret minn kulleġġ fl-Ingilterra li jispeċċjalizza fis-saħħa u s-sigurtà tat-tfal fil-fatt qalet li l-ġenituri m’għandhomx jinkwetaw jekk uliedhom qed jagħmlu ħin twil onlajn.

Anzi, esperti jgħidu li dan għandu l-vantaġġi tiegħu, dejjem jekk il-ħin onlajn jintuża b’mod għaqli. Fil-fatt, it-tobba tat-tfal issa qed jgħidu li aktar milli l-ġenituri jillimtaw il-ħin li wliedhom jagħmlu fuq il-kompjuter, għandhom jassiguraw li dan il-ħin ma jkunx eżatt qabel it-tfal imorru jorqdu.

Madanakollu, il-ħin li t-tfal iqattgħu fuq mezzi teknoloġiċi m’għandux jieħu post ħin li jagħmlu jaqraw, jistudjaw, jew ħin mal-familja.

280 tifel u tifla f’avventura madwar Malta

Għexieren ta’ sewwieqa ta’ taxis ddedikaw il-jum għat-tfal li jgħixu fid-djar għat-tfal. Madwar 280 tifel u tifla qattgħu l-ġurnata jiddevertu minn attività għal oħra li tħejjew għalihom mis-sewwieqa tat-taxis bejn it-08:00 u t-20:00.

Wara li nġabru mid-djar, it-tfal ħadu kolazzjoni fiċ-ċentru Nazzjonali tax-Xjenza Interattivia Esplora u wara daru mal-madwar 200 esebit li hemm f’dan iċ-ċentru li jixprunaw interess akbar f’suġġetti xjentifiċi.

John Cauchi, wieħed mill-imħuħ wara din l-attività qal li x-xufiera jħossu għafsa ta’ qabel x’ħin jasal il-ħin biex iwassluhom lura lejn id-djar tagħhom:

“It-tfal lanqas tkun tista’ titlaqhom tant kemm jieħdu pjaċir u inti magħhom, li kif tarahom sejrin dawn ħlewwa ta’ qalb taqbdek kull sena u huma kull sena jarfuna u aħna nagħrfu lillhom, veru jieħdu pjaċir ħafna t-tfal.”

Ix-xufiera tat-taxis ilhom jorganizzaw din attività li saret bħal tradizzjoni għas-sewwieqa tat-taxis għal dawn l-aħħar sebgħa u tletin sena kif qalilna Anthony Galea:

“Jien ilni 37 sena nagħmilha, bl-għajnuna ta’ sħabi wkoll. It-tfal noħorġuhom kull sena jieħdu pjaċir. Issa f’dawn l-aħħar erba’ snin komplew sħabi fejn li ħallejt jien, xtaqu jkomplu u jekk il-bambin irid inkomplu nagħmluha għax jien jieħdu pjaċir it-tfal u magħhom nieħdu pjaċir aħna.”

Attivitajiet bħal dawn ifissru ħafna għal dawn it-tfal, hekk qalet ma’ ONE News, Sister Paula Schembri:

“Huwa avveniment speċjali ħafna għalihom għax jagħmlu ġurnata jduru bil-white taxis, għalihom hija xi ħaġa speċjali. avolja jkollna aktar attivitajiet, din hija l-aktar attività li huma jieħdu gost. aparti minn hekk din tkun ġurnata sorpriza, jiġifieri ma nkunux nafu fejn sejrin u dak l-element ta’ sorpriża lit-tfal jogħġobnhom ħafna.”

Intant din l-attività sfrattat għal xi ħin wara li erba’ vetturi tat-taxis kienu involuti f’ħabta fil-Marsa. B’xorti tajba ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident u l-attività kompliet għaddejja f’kumpless f’Baħar iċ-Ċagħaq u aktar tard b’festin tal-Milied fil-hanger tal-Lufthansa Technik.

Anqas tfal u addoloxxenti fil-faqar jew esklużjoni soċjali

Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru tnaqqis ta’ 9,000 tifel u tifla li ħarġu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali.

L-istatistika turi li bejn l-2013 u l-2017, elfejn tifel u tifla taħt is-sitt snin u 3,000 ta’ bejn is-sitta u l-għaxar snin ma baqgħux fil-faqar jew f’esklużjoni soċjali.

Dan jirriżulta minn statistika ppubblika lejlet il-Jum Dinji tat-Tfal meta mqabbla mas-sitwazzjoni kif kienet fl-2-13 skont statistika tal-Eurostat.Aqra aktar

Send this to a friend