Il-Prim Ministru fdat 16.7% iżjed mill-Kap tal-Oppożizzjoni – stħarriġ tal-MT

Il-Prim Ministru Robert Abela huwa fdat 16.7% iżjed mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Dan skont stħarriġ li ġie ppubblikat il-Ħadd fil-gazzetta Maltatoday. F’Diċembru Robert Abela kien fdat minn 46.8% ta’ dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ filwaqt li Bernard Grech kien fdat minn 30.1% ta’ dawk li ħadu sehem fis-sondaġġ tal-Maltatoday.

Is-sondaġġ, li sar wara l-bidliet fil-Kabinett, juri lil Robert Abela fdat iżjed minn Bernard Grech f’kull reġjun u f’kull kategorija ta’ età. L-istħarriġ jinnota wkoll li dan kien l-aktar stħarriġ li Bernard Grech mar ħażin fih sa issa. Robert Abela huwa fdat iżjed minn Bernard Grech fost in-nisa u l-irġiel iżda huwa l-aktar fdat fost iż-żgħażagħ u l-anzjani u l-Prim Ministru reġa’ anki hu iżjed fdat minn Grech f’Għawdex.

Fil-fatt fil-kategorija ta’ dawk li jgħoddu bejn it-18 u l-35 sena, Robert Abela kellu fiduċja ta’ 39.2% filwaqt li Grech kellu biss 18.2%. Il-Maltatoday tgħid li din kienet l-aktar kisba baxxa tal-Kap tal-Oppożizzjoni f’dan is-sondaġġ. Fejn tidħol il-kategorija tal-anzjani, jiġifieri dawk li għandhom 65 sena jew aktar, Robert Abela kiseb 58.9% filwaqt li Bernard Grech ġab 30.4%. F’Għawdex, Robert Abela kiseb 59.5% filwaqt li Bernard Grech ġab 26.6%.

Meta l-istħarriġ ħares lejn il-partiti politiċi, l-appoġġ lejn il-Partit Laburista huwa simili ħafna tal-fiduċja tal-mexxej tiegħu u anki reġa’ kiseb il-fiduċja f’Għawdex ukoll. Fuq skala nazzjonali, 42.9% li pparteċipaw fl-istħarriġ qalu li jivvutaw lill-Partit Laburista filwaqt li 30.3% qalu li jixħtu l-vot tagħhom favur il-Partit Nazzjonalista.

Il-Maltatoday qalet li kemm iż-żewġ mexxejja u anki iż-żewġ partiti naqsu ftit mill-persentaġġi rreġistrati wara d-diskorsi ewlenin fil-preżentazzjoni tal-budget iżda dawn il-persentaġġi juru distakk ta’ madwar 36,000 vot bejn iż-żewġ partiti politiċi ewlenin f’pajjiżna.

Send this to a friend