Il-Pulizija qed tkompli bil-ħidma tagħha fil-prevenzjoni ta’ reati diġitali bit-tnedija ta’ vidjo ġdid dwar rikatt ta’ natura sesswali, bl-isem “Remove your trousers; get booed on browsers!”
Fi stqarrija qalet li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, kienu iktar minn 55 raġel u mara, medja ta’ tnejn jew tlieta fil-ġimgħa, li rrikorrew għall- għajnuna tas-Cyber Crime Unit tal-Pulizija wara li sfaw vittmi ta’ rikatt sesswali permezz tal-internet. Fil-maġġoranza huma rġiel li l-etajiet tagħhom jvarjaw bejn 18 u 50 sena.
Il-Pulizija qalet li ġeneralment f’każijiet bħal dawn, il-vittma tkun irrispondiet għal stedina li tkun irċeviet mingħand persuna li ma tafx min hi sabiex issir korrispondenza permezz ta’ webcam jew mezzi soċjali. Wara skambju ta’ mumenti, ritratti jew saħansitra sigrieti intimi mal-persuna l-oħra, il-vittma tibda tiġi rrikattata li jekk ma tħallasx somma flus, hafna drabi ghal aktar minn darba, l-informazzjoni intima tagħha ser tiġi ppublikata u mgħoddija lill-familja u ħbieb tagħha.