Saviour Gaffarena – One News

Notifiki

Żewġ żgħażagħ jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija bil-qtil fl-Imqabba

Żewġ żgħażagħ minn Ħal Kirkop, Leon Debono u Owen Schembri t-tnejn tmintax-il sena nżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja ghall-akkużi ta’ qtil ta’ Saviour Gaffarena u b’attentat ta’ qtil ta’ kuġinuh, Vince Gaffarena.

Huma ġew akkużati quddiem il-Magistrat Ian Farrugia b’rabta mal-isparatura li seħħet nhar l-Erbgħa bil-lejl, fl-akwati ta’ Ħal Millieri, fil-limiti taż-Żurrieq.

Saviour Gaffarena ta’ sebgħa u ghoxrin sena nqatel u kuġinuh Vince Gaffarena ta’ 17-il sena spiċċa ferut l-isptar.

Iż-żewġ żgħażagħ kienu ġew arrestati f’Ħal Kirkop, inqas minn tliet sigħat wara li seħħ il-każ.

L-investigazzjonijiet, immexxija mill-Iskwadra tal-Omiċidji fi ħdan d-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett, baqgħu għaddejjin matul l-aħħar sigħat.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispetturi Keith Arnaud, Kurt Zahra u Melvin Camilleri.

L-ispettur Arnaud qal li l-pulizija tkellmet max-xufier tal-karozza u nfurmahom bl-isem tal-akkużati li allegatament wettqu dan ir-reat.

Wara sigħat twal ta’ tfittxijiet, kmieni l-Ġimgħa filgħodu, il-Pulizija sabet l-arma tan-nar li allegatament intużat fil-każ.

L-arma nstabet moħbija f’siġra f’għalqa f’Ħal Kirkop.

Il-kundizzjoni taż-żagħżugħ ta’ sbatax-il sena, li ntlaqat minn tir f’sidru u f’wiċċu għadha waħda gravi imma stabbli u għadu qed jiġi rikoverat fl-Isptar Mater Dei.

Send this to a friend