Serb se jiġi mixli bi qtil ta’ tliet snin ilu f’Għawdex… sitt snin ilu xellef difrejh mal-ġustizzja

Fis-sigħat li ġejjin mistenni jitressaq il-Qorti s-Serb mixli bi qtil li seħħ tliet snin ilu f’Għawdex.

Sorsi qrib ONE News qalu li possibilment is-Serb bl-isem ta’ Aleksandar Stojanovic jitressaq illum quddiem il-Qorti t’Għawdex.

Fl-aħħar jiem il-pulizija għamlet passi ta’ ġgant fuq każ ta’ qtil ta’ Eġizzjan li seħħ fil-15 ta’ Jannar tal-2018.

Stojanovic għandu 42 sena u mhux l-ewwel darba li xellef difrejh mal-ġustizzja.

Sitt snin ilu huwa kien ġie kkundannat għal disa’ xhur ħabs wara li seraq bosta oġġetti minn Land Rover ipparkjata f’San Ġiljan.

Dak iż-żmien kien intqal li l-oġġetti misruqa, fosthom mobiles, kienu jammontaw għal valur ta’ €1,200.

Intant fl-aħħar sigħat nifhmu li l-Pulizija mill-Iskwadra tal-Omiċidji kienet qed tkellem lis-Serb b’rabta mal-omiċidju ta’ tliet snin ilu f’Għawdex, li kien għadu mhux solvut.

Il-vittma f’dan il-każ kien Walid Salah Abdel Motaleb Mohamed, Eġizzjan ta’ 42 sena.

Il-vittma kellu żewġ itfal u kien miżżewweġ Għawdxija.

Motaleb Mohamed kien instab bla ħajja kawża ta’ żewġ tiri ġewwa kamra qrib il-kappella ta’ San Dimitri fl-Għarb.

Intant il-pulizija sejħet għal konferenza tal-aħbarijiet fis-siegħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar u nifhmu li l-pulizija mistennija tagħti dettalji b’rabta ma’ dan l-omiċidju.

Din il-konferenza stampa miftuħa għall-ġurnalisti se ssir id-Depot.

 

Send this to a friend