Notifiki

Naftali Bennett Prim Ministru ġdid tal-Iżrael… jintemm id-dominju ta’ Netanyahu

Naftali Bennett ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru tal-Iżrael wara vot li rebaħ fil-Knesset, il-Parlament Iżraeljan f’Ġerusalemm.

B’dan il-vot, Benjamin Netanyahu issa m’għadux fil-poter wara 12-il sena Prim Ministru tal-pajjiż fil-Lvant Nofsani.

Bennett issa għandu maġġoranza ta’ xagħra fil-Knesset hekk kif 60 membru wera fiduċja fil-Prim Ministru l-ġdid u 59 membru vvutaw kontra.

Bennett għandu Prim Ministru sa Awwissu ta’ sentejn oħra u wara mistenni jkompli l-leġiżlatura Yair Lapid bħala Kap tal-Gvern Iżraeljan.

Il-koalizzjoni tal-Gvern fiha tmien partiti b’ideoloġiji differenti.

Il-koalizzjoni, li tinkludi bosta partiti ċentrali, tal-lemin u tax-xellug, fiha wkoll il-partit li jirrappreżenta l-Għarab fl-Iżrael.

Netanyahu kien sejjaħ il-ftehim ta’ koalizzjoni ta’ Gvern ġdid, li l-għan ewlieni kien li jqaċċat lilu mill-poter, bħala l-frodi tas-seklu.

Netanyahu jinsab fl-iżbarra jaffaċċja akkużi dwar korruzzjoni u kien saħaq li l-Gvern il-ġdid huwa ta’ theddida għas-sigurtà tal-poplu Lhudi u l-futur tal-istat Iżraeljan.

Iffurmat Gvern ta’ koalizzjoni b’maġġoranza ta’ xagħra biex jitqaċċat Netanyahu

Fl-Iżrael tmien partiti rnexxielhom jgħaqqdu Gvern ta’ koalizzjoni kontra Benjamin Netanyahu, li issa kien daħal fit-tnax-il sena konsekuttiva bħala Prim Ministru.

Il-koalizzjoni li tinkludi bosta partiti ċentrali, tal-lemin u tax-xellug, fiha wkoll il-partit li jirrappreżenta l-Għarab fl-Iżrael.

B’dan il-ftehim, li jrid jiġi kkonfermat b’vot fil-Knesset, Naftali Bennett tal-partit lemini Yamina se jsir Prim Ministru sa Awwissu ta’ sentejn oħra sakemm imbagħad minn hemm sa tmiem il-leġiżlatura, Yair Lapid tal-partit ċentrali Yesh Atid jilħaq Prim Ministru tal-Iżrael.

Netanyahu sejjaħ dan il-ftehim, fuq Gvern ġdid li l-għan ewlieni kien li jqaċċat lilu mill-poter, bħala l-frodi tas-seklu.

Netanyahu jinsab fl-iżbarra jaffaċċja akkużi dwar korruzzjoni u saħaq li l-Gvern il-ġdid huwa ta’ theddida għas-sigurtà tal-poplu Lhudi u l-futur tal-istat Iżraeljan.

Fost id-diskussjonijiet bejn il-partiti li għandhom maġġoranza ta’ xagħra kien hemm il-legaliżazzjoni tal-kannabis u l-ħatriet fil-ġudikatura.

Il-partiti jridu jmorru b’vot ta’ maġġoranza fil-Knesset, li huwa l-Parlament Iżraeljan, u jassiguraw maġġoranza ta’ 62 siġġu quddiem il-President Reuven Rivlin.

“Lill-Hamas tfajnihom lura snin bil-bumbardamenti tagħna” – il-PM Iżraeljan

Il-bumbardamenti mill-Iżrael fuq il-Palestinjani, li ilu għaddej għal dawn l-aħħar disat ijiem, tefa’ lill-grupp militanti tal-Hamas lura is-snin.

Dan sostnih il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu.

Huwa żied jgħid illi l-operazzjonijiet militari se jibqgħu fis-seħħ sakemm iċ-ċittadini Iżraeljani jħossuhom li qed jgħixu b’mod sigur.

Il-Ministru għas-Saħħa Palestinjan qal li s’issa minn tal-inqas 215-ilpersuna, li kważi nofshom huma nisa u tfal, inqatlu f’Gaża, filwaqt li l-Iżrael irrapporta 12-il mewt.

Iżrael qal li 150 mill-persuni maqtula huma militanti, iżda l-Hamas ma tax figuri ta’ kemm inqatlu militanti u nies ċivili.

Fil-jum tat-Tlieta, Iżrael fetaħ il-fruntiera lejn l-istrixxa ta’ Gaża sabiex jidħol konvoj bl-għajnuna, madanakollu l-fruntiera kellha tingħalaq malajr minħabba li ż-żona spiċċat fil-mira tal-attakki mill-Palestinjani.

Intant, il-ġlied ma waqaf xejn, hekk kif mal-lejl saru diversi attakki miż-żewġ naħat, bl-isforzi diplomatiċi biex tintemm il-vjolenza mhux qed iħallu r-riżultati mixtieqa.

Franza ressqet abbozz ta’ riżoluzzjoni mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda f’koordinazzjoni mal-Eġittu u l-Ġordan u talbet għal waqfien mill-ġlied.

Send this to a friend