Notifiki

Ħabs wara li ppruvaw iqarrqu bl-Uffiċjal tal-Immigrazzjoni

Żewġ Sudaniżi ta’ 31 u 21 sena ntbagħtu sena u seba’ xhur ħabs rispettativament wara li tressqu l-Qorti akkużati li użaw dokumenti ta’ persuni oħra u anke li ppruvaw iqarrqu bl-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni.

Il-każ li ammettew għalih ġara fis-sitta ta’ April.

L-Ocean Viking se jidħol fi Sqallija b’116-il immigrant

Il-bastiment Ocean Viking ngħata l-permess biex jidħol ġol-port Sqalli ta’ Augusta bil-116 immigrant li għandu abbord.

Dan qalitu l-għaqda mhux Governattiva SOS Mediterranee li matul l-aħħar jiem interċettat l-immigranti li kienu abbord numru ta’ dgħajjes fin-nofsinhar tal-baħar Mediterran.

Fl-aħħar sigħat l-ekwipaġġ abbord l-Ocean Viking kkonferma wkoll li ħames immigranti ttestjaw ukoll pożittivi għall-Covid-19.

Fl-aħħar jiem stqarrija tal-Aġenzija Ewropea ghall-Kontroll tal-Fruntieri qalet li tul dawn l-aħħar xhur l-attività relatata mal-immigrazzjoni fiċ-ċentru tal-Mediterran kompliet tintensifika bit-total ta’ immigranti li qasmu bil-baħar issa qabeż sew l-4,000.

Ritornat grupp ieħor ta’ immigranti lejn pajjiżhom

Il-ħidma governattiva sabiex jiġu ritornati gruppi ta’ immigranti li ma jikkwalifikawx għall-ażil kompliet tħalli l-frott.

Dan hekk kif fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ħabbar li ġie ritornat grupp ieħor ta’ immigranti lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

Il-Ministeru spjega kif dan seħħ f’operazzjoni ta’ ritorn mis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija permezz ta’ titjira minn Malta.

Fil-fatt, l-immigranti li ġew ritornati oriġinaw kollha minn barra mill-Unjoni Ewropea u waslu Malta rregolarment bil-baħar is-sena l-oħra.

L-immigranti kienu skortati minn uffiċjali tal-Pulizija u tim mediku matul it-titjira lejn il-pajjiż tal-oriġini. Ir-ritorn sar b’ħarsien sħiħ tal-protokolli relatati mal-COVID-19, inkluż it-testijiet neċessarji għal passiġġieri kollha.

Parti sostanzjali mill-ispejjeż relatati ma’ din l-operazzjoni ġew koperti minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Fl-istqarrija, il-Gvern fakkar kif il-ħidma ta’ ripatrijazzjoni ma tiddependix biss mill-ħidma tal-awtoritajiet Maltin imma anke b’rieda tajba mill-pajjiż tal-oriġini tal-immigranti inkwistjoni.

 

Il-patt il-ġdid tal-UE għall-immigrazzjoni mistenni jobbliga l-istati membri jieħdu immigranti m’għand pajjiżi milquta direttament

Fil-jiem li ġejjin l-Unjoni Ewropea mistennija tippreżenta l-patt il-ġdid għall-immigrazzjoni. Dan il-pjan ġdid mistenni jimbotta ‘l quddiem l-idea li l-istati membri jieħdu aktar immigranti mill-pajjiżi li huma milquta direttament mill-immigrazzjoni bħal Malta, l-Italja u l-Greċja.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Intern, Ylva Johansson ġiet rappurtata tgħid li qed tistenna reżistenza dwar dan il-patt minn pajjiżi bħall-Ungerija, il-Polonja u pajjiżi oħra fit-tramuntana tal-Ewropa iżda saħqet li jeħtieġ li l-prinċipju tas-solidarjetà bejn l-istati membri jitħaddem iżjed.

Il-ġimgħa l-oħra, waqt l-ewwel diskors tagħha tal-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen saħqet li l-pajjiżi milquta mill-immigrazzjoni u li jonoraw l-obbligazzjonijiet tagħhom għandhom iserrħu fuq is-solidarjetà Ewropea. Hija qalet ukoll kif fil-patt il-ġdid se jkun hemm distinzjoni ċara bejn dawk l-immigranti li jkollhom dritt għall-ażil u dawk li m’għandhom l-ebda dritt.

Fl-istess jum, il-Prim Ministru Malti Robert Abela kellu laqgħa f’Kastilja mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel. Dakinhar Dr. Abela laqa’ l-fatt li s-suġġett qed jerġa’ jkun fuq l-aġenda tal-ogħla istituzzjonijiet fl-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru kien ċar u saħaq li pajjiżna ma jiflaħx aktar immigranti. Qal li n-numru ta’ immigranti li ġew rilokati fl-aħħar jiem huwa tajjeb imma mhux biżżejjed.

Send this to a friend