Notifiki

“Il-Ħelsien irridu naħdmu għalih kuljum” – il-PM

Il-Ħelsien irridu nġeddu u naħdmu għalih kuljum.

Dan kien is-sentiment ewlieni fil-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien.

Fil-messaġġ tiegħu, bl-isfond pittoresk tal-Port il-Kbir li minnu l-Maltin segwew l-aħħar bastimenti tal-ħakma kolonjali Brittanika jħallu pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li bħal-lum inħarsu lejn l-imgħoddi biex napprezzaw minn fejn ġejjin.

Tenna li fis-snin sebgħin, pajjiżna qiegħed f’posthom il-pedamenti li fuqhom bdiet tistrieħ l-ekonomija ta’ pajjiż modern.

Madankollu din il-viżjoni ta’ Malta ħielsa, ħadet iż-żmien.

Aqra aktar

Fl-għaxra ta’ dalgħodu jixxandar il-messaġġ tal-Prim Ministru f’Jum il-Ħelsien

Fl-għaxra ta’ dalgħodu se jixxandar il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien.

Il-messaġġ tal-Prim Ministru se jixxandar online fuq il-paġna ta’ facebook tal-Prim Ministru u tal-Partit Laburista.

Dr Abela mistenni jkompli jwassal messaġġ pożittiv u sod fi żmien li pajjiżna għaddej u jinsab jikkontrolla pandemija li laqtet lid-dinja kollha iżda mhux biss.

Mistenni jagħti wkoll viżjoni biex pajjiżna jibqa’ jaħdem fuq il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza.

Ilbieraħ il-Prim Ministru flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela u żewġ atleti ta’ Special Olympics Malta telgħu fuq l-għolja tal-Ħelsien u sellmu lil dan il-monument li jfakkar il-kisba storika li kien ġab il-Perit Dom Mintoff 42 sena ilu.

Il-Prim Ministru xegħel l-urna fuq il-monument tal-Ħelsien permezz tat-Torċa.

 

 

Malta tfakkar 42 sena mill-kisba storika tal-Ħelsien

Illum Malta qed tfakkar il-kisba storika tal-Ħelsien.

42 sena ilu l-bażi militari Ingliża ngħalqet darba għal dejjem f’Malta wara kważi 180 sena.

Il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien il-Perit Dom Mintoff kien ftiehem mal-Ingliżi seba’ snin qabel il-31 ta’ Marzu 1979 biex l-Ingliżi mhux biss iħallsu iżjed tal-użu tal-faċilitajiet offruti mill-Gvern Malti iżda bi ftehim ċar l-Ingliżi kellhom jitilqu fl-aħħar ta’ Marzu tal-1979.

In-negozjati għal dan il-ftehim u r-reviżjoni tat-Trattat tad-Difiża kienu intensivi f’Malta u f’Londra u involvew strateġiji u diplomazija mill-aqwa bejn l-eks Prim Ministru Laburista Dom Mintoff u l-eks Ministru għad-Difiża Ingliż, Lord Peter Carrington.

Carrington kien sostna pubblikament wara l-ftehim mal-Gvern Malti, li Mintoff kien l-aktar negozjatur iebes li qatt affaċċja.

Bil-ftehim, Malta kisbet kważi t-tripplu tal-ftehim li kellha qabel innegozjat mill-Gvern Nazzjonalista ta’ Ġorġ Borg Olivier meta Malta saret indipendenti fl-1964.

Il-Gvern Ingliż spiċċa kellu jħallas 14-il miljun lira sterlina fis-sena, somma meqjusa għolja għal dak iż-żmien u li għenet mhux ftit lill-Gvern Laburista tas-sebgħinijiet jindustrijalizza u jiddiversifika ekonomija li kienet tiddependi biss fuq is-servizzi militari Ingliżi.

Fl-aħħar lejla ta’ Marzu tal-1979, Mintoff flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Ġorġ Agius telgħu fuq il-monument tal-Ħelsien, xogħol l-iskultur Anton Agius.

Fuq l-għolja tal-Ħelsien huma xegħlu l-urna permezz tat-Torċa u anki tniżżlet il-bandiera tar-Renju Unit u telgħet il-bandiera bajda u ħamra.

Il-bandiera Maltija telgħet tperper fost sparar tal-murtali, ċapċip u xita qliel li niżlet f’dik il-lejla mimlija emozzjonijiet.

L-għada, l-aħħar bastiment militari Ingliż salpa minn Malta wara tislima lill-aħħar Ammiral Ingliż Sir Nigel Cecil.

Send this to a friend