Notifiki

Il-Kummissjoni għall-ugwaljanza NCPE se ssir entità awtonoma

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza Helena Dalli ħabbret fil-Parlament li l-kummissjoni għall-ugwaljanza, l-NCPE, se tiġi kostitwita biex issir entità awtonoma.

Meta wieġbet mistoqsija tal-Whip tal-Gvern Byron Camilleri, il-Ministru qalet li din hija skont dak li nbeda fil-legislatura l-oħra u din tinvolvi ħafna djalogu mas-sħab soċjali.

Hija qalet li se jitressqu żewġ liġijiet. Waħda li se twaqqaf din il-kummissjoni awtonoma li se tkun taqa’ taħt l-iSpeaker tal-Kamra u l-Kummissarju jkun maħtur biż-żewġ terzi tal-Kamra.

Din il-Kummissjoni se tkun imfassla fuq il-liġi ta’ Pariġi li wieħed mill-punti ewlenin tagħha, hija l-awtonomija.

Aqra aktar

Pieni iktar ħorox f’każ ta’ stupru

Il-liġi Maltija se tkun iktar iebsa fil-konfront ta’ dawk li jwettqu r-reat ta’ stupru. Filwaqt li bidliet li se jsiru fil-liġi jagħtu definizzjoni iktar wiesgħa ta’ x’inhu stupru.

Dawn huma inklużi fil-liġi li hemm quddiem il-Parlament dwar il-vjolenza domestika li wara li għaddiet mit-tieni qari issa se tkun diskussa fi stadju ta’ kumitat. Fost oħrajn tispikka ż-żieda fil-piena li minn minimu ta’ 3 snin għal massimu ta’ 9 snin din se tinbidel minn minimu ta’ 6 snin għal massimu ta’ 12- il sena.

Aqra aktar

Tasal fi tmiemha t-tieni fażi ta’ negozjati tal-Brexit

Ġiet fi tmiemha t-tieni fażi tan-negozjati Brexit.

It-tieni sensiela ta’ direttivi li ġew innegozjati ġew addottati mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li għalih attendiet il-Ministru Malti għall-Affarijiet Ewropej, Helena Dalli.

It-tieni sett ta’ direttivi jitkellmu dwar it-tranżizzjoni u r-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara li jseħħ Brexit.

Dan jibni fuq l-ewwel sett ta’ direttivi li kienu dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, il-ftehim finanzjarju u l-kwistjoni tal-Irlanda.

Il-Ministru Dalli saħqet li l-pożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fuq ċertu kwistjonijiet għandha tkun flessibbli, speċjalment meta l-pożizzjoni tar-Renju Unit ma kinitx ikkomunikata formalment, fosthom fuq kwistjonijiet dwar is-servizzi, is-servizzi finanzjarji u l-mobilità taċ-ċittadini.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea se jaddotta linji gwida oħra f’Marzu li ġej.

Dan filwaqt li t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jseħħ fid-disgħa u għoxrin ta’ Marzu tas-sena d-dieħla, wara perjodu tranżitorju ta’ wieħed u għoxrin xahar.

BIL-FILMAT: Helena Dalli dwar il-Bagit li jmiss tal-UE

 

Fi Brussel qed titlaqqa’  konferenza għolja fuq jumejn dwar il-Bagit li jmiss tal-Unjoni Ewropea, liema ċiklu jidħol fis-seħħ fis-sena 2020. Dan il-Bagit ser ikun wieħed kruċjali għall-pajjizi membri peress li ser ikun qed isir fl-isfond tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, liema deċizjoni mistennija tħalli effett fuq il-finanzi tal-istess Unjoni. Id-diskussjonijiet li qed isiru fil-fora Ewropej jirrigwardjaw diversi materji, fosthom jekkx iċ-ċiklu magħruf bhala Multi Annual Financial Framework, għandux jibqa’ fuq medda ta’ seba’ snin jew inqas, u jekk għandhux jiżdied il-bagit tal-Unjoni biex din tkun tista’ tipproponi inizjattivi ġodda għas-snin li ġejjin fosthom fis-setturi tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni.

Din il-konferenza kienet ukoll indirizzata mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker fejn saħaq li l-Unjoni Ewropea għandha l-ewwel tidentifika l-ambizzjonijiet tagħha, u l-pożizzjoni tagħha għaż-żmien li ġej, biex imbagħad il-pajjiżi membri jkunu jistgħu jibdew id-diskussjonijiet formali. Huwa mistenni li l-proposta għall-bagit Ewropew wara s-sena 2020, toħroġ f’Mejju. Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq li dan il-bagit ikun approvat sa Mejju 2019, ħalli s-setturi kollha Ewropej li b’xi mod jew ieħor jiddependu fuq il-fondi Ewropej, ikunu mħejja bl-aħjar mod.

Il-Baġit 2018 ippremja lill-ħaddiema tax-xogħol li għamlu biex pajjiżna mexa ‘l quddiem

Il-Baġit għall-2018 hu immirat biex itejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin ħieles għall-ħaddiema. Dan joħroġ ċar, fost affarijiet oħra, bl-impenn tal-gvern li jibda jimplimenta sa mill-ewwel Baġit tal-leġislatura l-wegħda elettorali li l-ħaddiema jingħataw lura l-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa.

“Wasal iż-żmien li l-ħaddiema li jaħdmu biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem ikunu ppremjati tax-xogħol tagħhom” qalet il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli.Aqra aktar

‘Dikjarazzjoni Maltija’ għat-tagħlim vokazzjonali

Fil-Konferenza Internazzjonali Annwali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istituti għat-Taħriġ Vokazzjonali, li din is-sena qed tittella’ ġewwa pajjiżna, il-Ministru Helena Dalli approvat ‘Dikjarazzjoni Maltija’ dwar it-tagħlim vokazzjonali  bl-għan li jkollna soċjetà aktar inklussiva.

Aqra aktar

Il-MEUSAC jiddiskuti l-futur tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-UE

Il-Core Group tal-MEUSAC iddiskuta d-‘Dokument ta’ Riflessjoni dwar it-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja’ tal-Kummissjoni Ewropea. Dan hu wieħed minn serje ta’ dokumenti ppubblikati mill-Kummissjoni fl-aħħar xhur, maħsuba biex iniedu proċess wiesgħa ta’ riflessjoni u dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli, tkellmet dwar l-importanza li l-membri kollha tal-Core Group tal-MEUSAC jipparteċipaw fid-diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa minħabba li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fl-Unjoni Ewropea (UE) jaffettwaw b’xi mod jew ieħor il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

 

Aqra aktar

L-imsieħba soċjali b’ 130 proposta għall-Budget 2018

L-imsieħba soċjali ddiskutew mal-Gvern il-proposti tagħhom għal baġit tal-elfejn u tmintax.

F’laqgħa mal-MCESD, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna saħaq li l-Gvern u l-imsieħba soċjali qegħdin fuq l-istess linja, u dan fid-dawl tal-klima ekonomika pożittiva li għandu pajjiżna.

Min-naħa tagħhom l-imsieħba soċjali lkoll jaqblu li hemm bżonn li jkollna viżjoni li nħarsu fit-tul.Aqra aktar

Jitlaqqa’ l-MCESD biex jiddiskuti l-proposti tal-imsieħba soċjali għall-‘Budget’ 2018

L-MCESD tlaqqa’ bil-għan li jiġi diskuss dokument konsolidat li jgħaqqad il-proposti kollha tal-imsieħba soċjali għall-Budget 2018.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli li kienet preżenti għal din il-laqgħa, iddeskriviet dan l-eżerċizzju bħala mod tajjeb u strutturat li jagħti l-opportunità lill-imsieħba kollha jagħtu s-sehem tagħhom f’dan il-proċess konsultattiv.Aqra aktar

Send this to a friend