Ħamrun – Page 7 – One News

Notifiki

Mara tintlaqat minn karozza fil-Ħamrun

 Mara ta’ 41 sena mill-Floriana ntlaqtet minn vettura tal-għamla Ford Fiesta li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 79 sena, residenti Santa Venera. Il-pulizija tad-distrett issejħu fuq il-post. L-inċident seħħ fi Triq Abela Skola fil-Ħamrun.

Il-mara ttieħdet l-isptar Mater Dei għall-kura fejn aktar tard ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

Aġġornat: Tittajjar mara fil-Ħamrun

Għadu kemm seħħ inċident fi Strada Rjali l-Ħamrun fejn il-pulizija nfurmatna li ttajret mara li ttieħdet l-isptar Mater Dei.

Jidher li l-mara li kienet riekba fuq il-mutur itajret minn karozza li għamlet u-turn. Il-kundizzjoni tal-mara għadha mhix magħrufa.

 

Aktar dettalji malli jaslulna.

AĠĠORNAT: Il-Pulizija b’qabda ta’ 30 kilo droga u €42,000 fil-Ħamrun

Il-Pulizija arrestat tliet irġiel, tnejn Maltin u Taljan wara qabda kbira ta’ droga fil-Ħamrun.

L-iskwadra ta’ kontra d-droga rnexxielha tikkonfiska tletin kilo droga kannabis u aktar minn tnejn u erbgħin elf ewro fi flus minn kumpless ta’ garaxxijiet fil-Ħamrun.

Kien għall-ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar, meta għadd ta’ vetturi tal-Pulizija mblukkaw Triq San Vinċenz miż-żewġ naħat, waqt li għamlu rejd fuq garaxx fl-istess triq.

F’din l-operazzjoni ġew arrestati tliet irġiel, wieħed minnhom ta’ erba’ u erbgħin sena, magħruf diġà mal-Pulizija, tant li s-sena li għaddiet ġie akkużat li daħħal ammont kbir ta’ droga f’pajjiżna minn fuq il-baħar.

Id-droga nstabet moħbija f’karozza tat-tip Fiat Cubo bi pjanċi barranin u vettura oħra tat-tip BMW li ġew issekwestrati mill-pulizija.

Tul l-operazzjoni, il-Pulizija dehru ħerġin mill-garaxxijiet iġorru żewġt ixkejjer bid-droga kannabis. Iktar tard ħarġu l-flus ippakkjati f’kaxxi.

Minn informazzjoni li kiseb ONE News, il-pulizija kienet ilha ssegwi lill-irġiel mill-qrib għal bosta jiem.

Il-qabda waslet wara ħidma konġunta bejn l-iskwadra ta’ kontra d-droga, ir-Rapid Intervention Unit, id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, u t-Taqsima tal-Klieb.

L-irġiel mistennija jitressqu l-qorti fil-jiem li ġejjin.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa.

(Ritratt ta’ fuq: mill-arkivji)

Aqra aktar

Sejba ta’ droga fil-Ħamrun

Il-Pulizija għamlu sejba ta’ ammont sostanzjali ta’ droga fil-Ħamrun.

Fi tweet il-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali rringrazzja lill-membri tal-Korp tal-Pulizija għal storja oħra ta’ suċċess.

 

Aktar dettalji dalwaqt.

Żagħżugħ ta’ 23 sena fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ erba’ sulari fil-Ħamrun

Żagħżugħ ta’ tlieta u għoxrin sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li dalgħodu waqa’ minn għoli ta’ madwar erba’ sulari fil-Ħamrun.

Il-Pulizija qalet li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu fi Triq is-Sewwieqa, meta ż-żagħżugħ Sirjan li joqgħod Ħal Tarxien kien qed jagħmel xi xogħol ta’ kostruzzjoni.
Tim mediku ġie msejjaħ fuq il-post sabiex jassisti lill-vittma.

Huwa ttieħed immedjatament l-Isptar Mater Dei fejn iktar tard ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Francesco Depasquale li ħatar l-esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta.

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.

Send this to a friend