ħabs – Page 7 – One News

Notifiki

Bil-Filmat: Inħareġ mill-ħabs biex jingħata kura medika aħjar mid-dar

Ser nimxi ġurnata b’ġurnata billi mmur l-iskola u mmur għat-terapija fl-isptar. Dawn kienu l-ewwel reazzjonijiet ta’ Christopher Bartolo li ngħata l-ħelsien mill-arrest temporanju wara li kien hemm qbil fil-Kabinett, li dan il-ġuvni li huwa marid serjament fil-kliewi għandu jingħata l-kura lil’hinn mill-kanċell u l-erba’ ħitan tal-ħabs.  Crew ta’ One News mar quddiem il-ħabs fejn segwa mill-qrib il-ħelsien mill-arrest ta’ dan iż-żagħżugħ.  Id-dettalji.Aqra aktar

Il-kabinett japprova t-talba għall-ħelsien mill-arrest temporanju ta’ pazjent marid bil-kliewi

Il-Kabinett approva li t-talba biex Christopher Bartolo ta’ sebgħa u tletin sena jingħata l-ħelsien mill-arrest temporanju.

Ir-raġel ibati minn kundizzjoni serja fil-kliewi, kien qed jiskonta sentenza ta’ ħames snin ħabs wara li ammetta li ttraffika l-kannabis f’perjodu meta kien jagħmel użu minnha minħabba l-uġigħ ikkawżat mill-kundizzjoni tiegħu.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li l-Kabinett wasal għal din id-deċiżjoni wara li ngħata parir mediku minn professur indipendenti li rrakkomanda li jekk jirċievi t-trattament id-dar, ikun ta’ benefiċċju għall-kundizzjoni tiegħu.

Bartolo ħareġ mill-ħabs għall-ħabta tad-disa’ ta’ filgħaxija wara li l-President ta’ Malta laqgħet ir-rakkomandazzjoni tal-kabinett biex ikun jista’ jinħareġ mill-ħabs. Huwa sab jilqgħuh barra l-faċilità korrettiva ta’ Kordin lill-qrabatu u lit-tfjala tiegħu. B’din id-deċiżjoni, Bartolo se jkun obbligat li jobdi għadd ta’ kundizzjonijiet imposti fuqu fosthom li jiffirma kuljum fl-għassa tal-pulizija.

Minħabba problemi fil-kliewi, Bartolo jrid jingħata trattament kull tlett ijiem. Dan wara li t-trampjant li sarlu fil-kliewi ma rnexxiex.

L-Avukati tiegħu sostnew fil-qorti li l-Għawdxi kien juża l-kannabis biex inaqqas l-uġigħ ikkawżat mill-kundizzjoni fil-kliewi tiegħu. Huma allegaw ukoll li l-ammissjoni tiegħu saret wara sigħat twal ta’ interrogazzjonijiet u li waħda minnhom saret wara trattament ta’ sitt sigħat li ngħata fl-isptar Mater Dei.

 

Tfittxija għall-għarrieda fil-Faċilità ta’ Kordin: tinstab internet key u trab suspettuż

F’operazzjoni delikata fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin saru tfittxijiet intensivi f’żewġ diviżjonijiet mis-Sezzjoni ta’ Kontra d-Droga fil-Korp tal-Pulizija.

Fit-tfittxija li saret għall-għarrieda ma nstab l-ebda mobile u l-ebda xorb alkoħoliku. Instabet biss internet key u għalhekk se jittieħdu passi fuq il-priġunier ikkonċernat. Instab ukoll ftit trab suspettuż fil-locker ta’ wieħed mill-priġunieri u se tinfetaħ inkjesta.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li tfittixijiet simili se jkomplu jsiru b’mod regolari mill-uffiċjali tal-faċilità kif ukoll meta jinħass il-bżonn tal-Korp tal-Pulizija sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-faċilità. Il-Ministru Farrugia se jkompli jaħdem sabiex jeqred għal kollox is-sustanzi illegali, l-oġġetti projbiti u l-abbużi mill-faċilità.

Il-ħabs jirrifjuta li jżommha, imma l-Qorti tinsisti

Mara li kienet qed tiġġieled mal-vizzju tad-droga, spiċċat il-Qorti wara li kissret il-kundizzjonijiet imposti fuqha. L-omm ta’ tifla ta’ tnax-il sena kienet fuq programm ta’ rijabilitazzjoni.

Fil-Qorti ntqal li kienet sejra tajjeb tant li anki kienet meqjusa bħala house leader. Sussegwentament il-mara waqfet mill-programm wara li allegatament it-tabib waqfilha l-medikazzjoni tal-methadone.

Wara li l-mara ħarbet minn San Blas marret tieħu l-eroina u rritornat għand il-ġenituri tagħha fi stat ħażin ħafna. Kien hawn li l-ġenituri tal-mara ħaduha fl-isptar Monte Karmeli għal kura u wara li din ġiet f’sensiha ħaduha l-ħabs minħabba li skont deċiżjoni imposta mill-Qorti aktar qabel, il-mara kellha tittieħed il-ħabs jekk toħroġ mill-programm.

Hawnhekk l-awtoritajiet tal-ħabs irrifjutaw li jżommu l-mara u b’hekk anki ma żammewx mad-deċiżjoni tal-Qorti. Fid-dawl ta’ dan, il-pulizija ma kellhomx triq oħra għajr li jieħdu l-mara l-Qorti fejn ġie deċiż li l-mara għandha terġa’ tittieħed Kordin.

Jiffranka ikla ħabs wara li ħafirlu

Qormi li ta daqqa ta’ ponn lil gwardjan tas-sigurtà tad-dwana, iffranka sentenza ta’ ħabs wara li l-vittma ħafer lill-aggressur.

Jesmond Micallef kien akkużat li darab gravi lil Carmel Tabone wara li dan tal-aħħar waqfu u talbu biex jitfa’ t-trakk fil-ġenb minħabba li kellu xi dokumenti nieqsa.

Kien hawn li Micallef tah daqqa ta’ ponn lil Tabone u kissirlu sinna. Wara li Tabone ħafer lil Micallef flok sentenza ta’ priġunerija, il-Qorti ordnat li Micallef jitpoġġa fuq probation għal tlett snin.

Ta giżirana tad-deheb lill-qassis u għamel rapport falz biex jieħu l-flus

Anthony Mc Kay ta’ 27 sena kien akkużat li nhar is-17 ta’ Mejju 2010 għamel rapport falz fl-għassa tal-Pulizija, fejn qal li kien tilef giżirana tad-deheb fil-grawnd ta’ Ta’ Qali biex jieħu l-flus tal-assigurazzjoni tagħha. Kien ukoll akkużat li għamel vendikazzjoni fuq il-karozza ta’ kumpanija tal-assigurazzjoni, imma minħabba nuqqas ta’ provi, ma nstabx ħati.

Primarjament, il-kumpanija t’assigurazzjoni rrifjutat li taghti s-somma ta’ €7,400 lil Mc Kay u wara komossjoni li qajjem fl-uffiċini tal-kumpannija, ġie mogħti l-ammont ta’ €2,000. Kien f’dan iż-żmien li mpjegata tal-kumpannija sabet brix u r-roti tal-karozza mifqugħa.

Aqra aktar

Sentejn ħabs wara li darab gravi lil żewġt irġiel

Duale Abokor Mustafa, ta’ sebgħa u tletin sena mis-Somalja, intbagħat sentejn ħabs hekk kif instab ħati li ġarr sikkina mingħajr permess, u propju b’daqqiet ta’ sikkina darab b’mod gravi lil żewġ irġiel Somali.

Dan minbarra li hedded lil wieħed minnhom. Ir-raġel, li hu mis-Somalja, u joqgħod ix-Xewkija ma nstabx ħati ta’ attentat ta’ qtil dakinhar tal-erbatax ta’ Ottubru elfejn u ħmistax; jum li fih qal li tant kien xurban li ma jiftakarx x’ġara.

3 snin ħabs wara li serqet minn 10 t’iħwienet

Elaine Rapinett ta’ 34 sena kienet akkużata b’serqiet bejn id-19 u t-30 ta’ Jannar li għadda minn disat iħwienet differenti f’sitt lokalitajiet. Hi ġiet ikkundannata tliet snin ħabs wara li ammettiet l-akkużi miġjuba kontrieha.

Rapinett inqabdet permezz ta’ kameras tac-CCTV u li ġew iċċirkolati fuq il-mezzi tal-midja soċjali.

Is-serq seħħ minn spiżerija f’Ħal Balzan, minn ħanut tal-kompjuters fiż-Żejtun, u minn ħwienet tal-ħwejjeġ u supermarket f’Tas-Sliema, minn ħanut tal-apparat elettroniku fil-Belt u minn ħanut tal-kompjuters f’Ħal Qormi, kif ukoll minn ħanut tal-aċċessorji f’ Ta’ Xbiex.

L-għada taż-żewġ serqiet minn Tas-Sliema, reġgħet marret tisraq minn ħanut tal-ħwejjeġ f’Tas-Sliema, filwaqt li jumejn wara serqet minn ħanut tal-apparat elettroniku fil-Belt. L-għada tas-serqa mill-Belt wettqet tliet serqiet oħra minn ħanut tal-kompjuters f’Ħal Qormi, minn ħanut tal-aċċessorji f’Ta’ Xbiex u minn superkamarket f’Tas-Sliema.

Il-Maġistrat Doreen Clarke, ikkunsidrat li l-mara kkoperat mal-Pulizija u ammettiet mill-ewwel. Il-Qorti talbet ukoll biex il-Faċilità korettiva ta’ Kordin tgħin lill-mara tegħleb il-vizzju tad-droga.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anzjan Johan Fenech u l-Ispettur Jonathan Rensley.

Aqra wkoll: http://www.one.com.mt/news/2018/01/30/jinqabdu-ftit-wara-li-ppruvaw-jisirqu-minn-hanut-fbirkirkara/

Jintbagħat tliet snin u nofs ħabs

Raġel mill-Użbek intbagħat tliet snin u nofs ħabs, wara serqa li wettaq minn appartament f’San Ġiljan f’Marzu tal-elfejn u tlettax.

Fil-Qorti ntqal kif ir-raġel ta’ tmienja u erbgħin sena seraq għadd ta’ apparat elettroniku. Minkejja li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Fabian Fleri, sabet marki ta’ swaba li qablu ma’ dawk tal-akkużat – bil-Qorti tgħid li dawn huma biżżejjed biex juru li r-raġel kien fl-appartament b’mod llegali.

L-argument tad-difiza, li l-marki tas-swaba kienu hemm minħabba li r-raġel mar jara l-appartmanet biex jikrih, ġew imxejjna, minħabba li l-appartament kien ilu mikri għal sentejn sħaħa qabel seħħ il-każ.

Intant, fiż-żmien li qed jinstema l-każ, ir-raġel ingħata sentenza oħra ta’ ħmistax-il xahar ħabs mill-Qorti t’Għawdex, minħabba serqa oħra li kkommetta f’Għawdex.

Apparti s-sentenza ta’ ħabs, il-Qorti ordant li wara li jiskonta s-sentenza ta’ ħabs, ir-raġel irid jintbagħat lura lejn pajjiżu.

Minn sentenza sospiża għal tmien snin ħabs

Żgħażugħ ta’ erba’ u għoxrin sena mill-Imtarfa, ra s-sentenza oriġinali tiegħu tinbidel minn sentenza sospiża għal tmien snin ħabs. Dan wara appell minn naħa tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li ra li s-sentenza ma kienitx turi l-gravità ta’ dak li wettaq iż-żgħażugħ.

Jacob Rakban, f’Lulju tal-elfejn u sittax wieġeb ħati li f’sitt okkażjonijiet, seraq għadd ta’ ġiżirajjen mingħand nisa anzjani ta’ etajiet bejn ħamsa u ħamsin, u tlieta u tmenin sena. Il-każijiet seħħew kollha fil-Mosta u n-Naxxar.

Fil-Qorti ntqal kif iż-żgħażugħ, eks-plejer ta’ taħt id-dsatax-il sena ta’ Ħamrun, huwa vvizjat bid-droga.

Il-Maġistrat Edwina Grima, li ddeċidiet l-appell, qalet li uwa evidenti li s-sentenza oriġinali mhijiex mistħoqqa, la għall-akkużat, u wisq anqas għall-vittmi, li waħda minnhom saħansitra spiċċat l-Isptar għall-kura.

Send this to a friend