Notifiki

Offiżi ta’ natura żgħira bħal ġlied bejn il-ġirien mhux se jibqgħu jitqiesu bħala reat kriminali quddiem il-Qorti

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, ħabbar id-depenalizzazzjoni ta’ ċertu każijiet ta’ ksur ta’ liġi.

Dan huwa proċess fejn offiżi ta’ natura żgħira; bħal per eżempju ġlied bejn il-ġirien, ma jibqgħux jitqiesu bħala reat kriminali quddiem il-Qorti tal-Ġudikatura Kriminali, imma jinstemgħu quddiem il-Kummissarji tal-Ġustizzja.Aqra aktar

Żagħżugħ jintbagħat sitt xhur ħabs wara li seraq lill-ġirien tiegħu

Żagħżugħ Bormliż ta’ 26 sena ntbagħat sitt xhur ħabs wara li nstab ħati li seraq lill-ġirien tiegħu biex jiffinanzja l-vizzju tad-droga li għandu. Leslie Farrugia ġie mixli fil-Qorti li fi spazju t’għaxart ijiem seraq djar viċin fejn joqgħod hu.

Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu aktar qabel hekk kif huwa kien taħt il-libertà kundizzjonata fuq garanzija personali ta’ €5,000. Huwa seraq numru t’oġġetti ta’ valur, fosthom pittura.

Waqt l-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat Joe Mifsud saħaq li huwa jittama li l-perjodu fil-ħabs ikun bidu ġdid ta’ rijabilitazzjoni għaż-żagħżugħ li wkoll ġie ordnat li jirċievi tliet snin ta’ trattament biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Il-Maltin huma ġirien storbjużi

Jekk meta tkun se tpoġġi rasek fuq l-imħadda għal siegħa mistrieħ waranofsinhar – il-ġarr jiddeċiedi li huwa l-mument opportun li jagħmel l-istorbju – mintiex waħdek.

Statistika tal-EUROSTAT żvelat li l-Maltin huma l-aktar li għandhom il-ġirien storbjużi. Iċ-ċifri juru kif wieħed minn kull erbà persuni f’Malta ma jistgħux jew mhux jitħallew igawdu mis-silenzju tad-dar tagħhom.

Huma aktar minn sitta u għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni Maltija li għandhom il-ġarr storbjuż, b’dan il-persentaġġ huwa l-ogħla wieħed fost il-pajjiżi Ewropej. Il-Maltin huma segwiti mill-Ġermaniżi b’ ħamsa u għoxrin punt wieħed fil-mija u mill-Olandiżi fit-tielet post.

L-istatistika turi wkoll li huma dawk li jgħixu fl-ibliet l-iżjed li jintlaqtu minn dan l-istorbju bi tlieta u għoxrin punti perċentwali meta mqabbel ma’ għaxar punt erbà perċentwali f’żoni rurali.

Dan filwaqt li l-maġġoranza ta’ dawk li rrapportaw li qed jesperjenzaw problemi minħabba l-istorbju mill-ġirien kienu persuni li jgħixu waħedhom, b’perċentwal ta’ għoxrin punt tmienja fil-mija.

Dawn kienu segwiti minn djar li fihom jgħixu żewġ persuni b’sittax punt sitta fil-mija. B’dawk li jgħixu f’dar ta’ iżjed minn tliet adulti jew iżjed kienu l-inqas li għamlu dawn ir-rapporti.

L-istatistika turi wkoll li l-maġġoranza ta’ dawn ir-rapporti saru minn persuni li m’għandhomx tfal jgħixu magħhom, b’perċentwal ta’ aktar minn tmintax fil-mija.

Dawn it-tip ta’ rapporti saru ferm inqas fl-Irlanda, il-Kroazja, il-Bulgarija u l-Estonja li jidher li fosthom tirrenja s-serenità u l-paċi.

One News jinsab informat li fl-aħħar xhur inħatret kummissjoni mill- Ministeru għall-Ambjent li se tirrevedi l-liġijiet preżenti dwar il-ħsejjes u l-istorbju li jagħmlu ħsara għas-saħħa u għas-smiegħ.

Il-Kummissjoni li hija magħmula mill-Pulizija, id-Dipartiment tal-Gvern Lokali, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u d-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali, se tkun f’pożizzjoni li tirrakomanda liġijiet ulterjuri sabiex tissaħħaħ il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tal-ħsejjes.

Huwa mifhum li pajjiżi żgħar bħal Malta għandhom l-istess problema minħabba li ftit hu l-ispazju fejn jirrenja l-kwiet waqt li l-storbju, fosthom dak ikkawżat mill-għajjat u twerżiq tal-ġirien jinstema’ minn seba’ mili bogħod.

Send this to a friend