dwana ta’ malta – One News

Id-Dwana ta’ Malta b’sejba ta’ kannabis li waslet mill-Ġermanja

L-uffiċjali tad-dwana il-bieraħ, stazzjonati fl-Uffiċċju Express Freight tal-Merkanzija, f’Ħal Luqa, qabdu pakkett ieħor li kien fih sustanza suspettuża, li wara aktar testijiet irriżultat li kienet kannabis.

L-uffiċjali għamlu l-iskopertà waqt li kienu qed iwettqu l-ispezzjonijiet tagħhom. Il-pakkett wasal mill-Ġermanja u kien sejjer lejn indirizz f’San Ġiljan.

Ir-riżultat fit-tfittxija wera li s-sustanza kienet kannabis.

L-Iskwadra tal-Pulizija kontra d-droga ġiet infurmata u bdiet l-investigazzjonijiet tagħha.

Qabda ta’ 150 kilo droga fuq vapur

Ilbieraħ filgħaxija f’ħidma konġunta bejn membri mill-iskwadra ta’ kontra il-Vizzju tad-Droga u b’assistenza minn uffiċjali tad-Dwana ta’ Malta, saret sejba ta’ droga fuq Vapur tal-Merkanzija.

Il-vapur li huwa reġistrat il-Panama u li r-rotta tiegħu tinkludi diversi pajjiżi minn madwar id-dinja kien spezzjonat u instabu numru ta’ paketti mdawrin bil-plastik. F’dawn il-paketti nsatbu madwar 150 kilo droga maħsuba kannabis lesta biex tiġi traffikata.

Mill-investigazzjonijiet li saru s’issa ma jidhirx li din id-droga kienet għas-suq lokali. Investigazzjonijiet tal-Pulizija rigward il-każ għadhom għaddejjin.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Y. Micallef Stafrace LLD li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.

1,908 tfittxija f’bagalji f’Jannar 2018 mid-Dwana ta’ Malta

Din hija ċ-ċifra ta’ tfittxija f’bagalji tal-passiġġieri li saru matul jannar 2018. magħhom saret 28 tfittxija fi ħwienet u 4 operazzjonijiet ta’ tfittxija fi swieq miftuħa.

Minn dawn it-tfittxjiet ġew miżmuma 36,000 sigarett u 7.374 kilogrammi tabakk tal-kuntrabandu u 63 flixkun inbejjed u xorb alkoħoliku.

Kien hemm seba’ operazzjonijiet oħra ta’ tfittxija saru b’mod konġunt mal-Pulizija u mal-Ispetturi tal-VAT. Saru wkoll 182 spezzjoni fuq vetturi/ trakkijiet u trailers mal-wasla minn Sqallija; 23 każ minnhom, il-merkanzija li kienu qed iġorru fihom ġiet riferuta lid-Direttorat tas-Sisa għall-ħlas tas-sisa jew għal aktar investigazzjoni;

25 spezzjoni saru wkoll biex jiġi kontrollat kull moviment li jista’ jwassal għal kuntrabandu tad-diesel kif ukoll saru 285 –il spezzjoni fl-ajruport għal flus mhux dikjarati kif ukoll 3 tfittxijiet fuq ajruplani mal-wasla.

Matul dan il-perjodu kontinwament saru spezzjonijiet għal oġġetti kontrafatti (foloz) filwaqt li d-Dwana wżat id-diversi mezzi ta’ scanning li għandha mifruxa mal-postijiet tagħha għal 14,940 darba.

Il-pubbliku jista’ jgħin billi jċempel b’mod anonimu fuq 2568 5124 jew 2568 5200.

Send this to a friend