Droga – Page 3 – One News

Notifiki

Meta kien il-ħabs miet missieru u rrealizza li ried jinbidel – abbuża mid-droga għal 20 sena

“Id-droga taħkmek, fis-sens li ma tiġix inti fil-kontroll ta’ ħajtek, hi tiddeċiedi għalik u tasal li tagħmel kollox għaliha.”

Kien b’dan il-mod skjett li Shaun – isem fittizju li għażilna biex nipproteġu l-identità tiegħu – iddeskriva dawn l-aħħar għoxrin sena, meta kien mirkub mill-vizzju tad-droga.

Fil-Jum Dinji Kontra l-Abbuż u t-Traffikar tad-Droga, Shaun qasam l-esperjenza tiegħu ma’ dan l-istazzjon hekk kif bħalissa għaddej bi programm ta’ rijabilitazzjoni biex jiskonta s-sentenza tiegħu u joħroġ lura fil-komunità.

Shaun ħadna lura 20 sena. Qalilna li r-raġuni li mess mad-droga kienet taħlita ta’ dwejjaq minħabba problemi personali, u pressjoni mingħand sħabu.

Mal-abbuż tad-droga, tbati l-familja. Huwa stqarr magħna: “Il-familja tbati ħafna miegħek. Waqt li inti tkun qiegħed għaddej tieħu, huma jkunu d-dar jew post ieħor u ħlief fil-verità fuqek ma jaħsbux.”

Hu u jħares lura, qalilna li ħadd qatt ma jimmaġina li jista’ jasal biex ikun wara l-vireg ta’ ċella fil-ħabs, imma spjega li d-droga taħkem lil dak li jkun b’tali mod li l-individwu ma jibqax jaħseb u jasal jagħmel kollox biex ikollu s-sustanza, anki jigdeb u jisraq.

Huwa kompla jgħid: “Waqt li kont il-ħabs tliet snin ilu kien miet id-daddy u ħassejtha ħafna u minn dak iż-żmien ’l hawn bdejt iktar inħossha xi ħaġa kerha li ma nixtieqx nasal li nerġa’ nitlef lil xi ħadd minn tal-familja u għall-inqas ma nkunx qiegħed hemm magħhom preżenti.”

Shaun qed isegwi programm ta’ rijabilitazzjoni tas-Sedqa mifrux fuq sena u xahrejn.

L-ewwel fażi tgħin lill-priġunier isib saqajh u tgħinnu jirrealizza jekk verament iridx jibda paġna ġdida f’ħajtu jew le.

Fit-tieni fażi jsiru sessjonijiet ta’ psikoloġija u terapija biex l-individwu jaħdem fuqu nnifsu.

Illum il-ġurnata Shaun jifhem li d-droga tagħti pjaċir għall-ewwel, iżda mbagħad fi kliemu, iġġibek “indannat”.

Hu tenna: “Dik il-ħaġa li trid tqum filgħodu mis-sodda u biex tqum minn ġos-sodda trid tabbuża, ma nafx x’jista’ jkun agħar minn hekk. Kull ħaġa li tagħmel, trid tabbuża, trid tieħu. Jekk ma tiħux, ma tagħmel xejn.”

Huwa temm din l-intervista billi rrikonoxxa li aktar ma jgħaddi żmien, aktar wieħed jitlef ħin minn ħajtu li ma jistax iġibu lura: “Illum inħares lura u nara fil-verità f’dawn l-għoxrin sena kemm tlift f’ħajti. Fejn stajt nasal u fejn fil-verità qiegħed illum il-ġurnata. Dak kollu li titlef ma terġa’ ġġibu lura qatt. Iż-żmien kollu li jgħaddi ma tixtrih b’xejn.”

Send this to a friend