Notifiki

L-Awditur Ġenerali jikkundanna n-nuqqasijiet fil-proġett tal-Isptar Mater Dei

Rapport tal-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-proċess, mid-disinn sal-għeluq tal-proġett tal-Isptar Mater Dei wera nuqqas sinjifikanti ta’ dokumentazzjoni fl-istadji kollha tal-proġett.

Ir-rapport li t-Tlieta filgħaxija tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti jitfa’ dawl fuq nuqqasijiet skandalużi li seħħew b’rabta mal-bini tal-Isptar Mater Dei taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.

Filfatt ir-rapport maħruġ mill-uffiċċju nazzjonali tal-verifika jgħid li l-proġett kien stmat li se jiswa tlieta u tmenin miljun lira Maltin, li llum jiġu ftit aktar minn mija u disgħin miljun ewro.

L-Awditur Ġenerali jistma li l-ispiża tal-proġett telgħet għal ftit aktar min-nofs biljun ewro.

Ir-rapport jgħid li minħabba limitazzjonijiet fosthom in-nuqqas ta’ dokumentazzjoni u informazzjoni bażika li suppost inżammet mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, dik li l-Gvern Nazzjonalista fdalha l-proġett ta’ Mater Dei f’idejha, l-ispiża ta’ nofs biljun ewro hija l-aħjar stima bbażata fuq informazzjoni li rnexxielu jikseb.

L-Awditur Ġenerali jisħaq li n-nuqqas ta’ informazzjoni li ngħatalu biex jinvestiga dwar il-governanza, it-trasparenza u l-amministrazzjoni finanzjarja tal-proġett juri biċ-ċar il-falliment istituzzjonali u negliġenza serja fl-amministrazzjoni ta’ dak iż-żmien meta kellha f’idejha l-fondi pubbliċi.

Ir-rapport jinnota wkoll li bejn is-sena elfejn u s-sena elfejn u tlieta kien hemm tħassib dwar l-eskalazzjoni materjali fl-ispiża tal-proġett tal-isptar.

Il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien rrikorra għal ftehim biex suppost jillimita spejjeż oħrajn u skont dan il-ftehim, l-ispiża ma kellhiex titla’ iżjed minn mija u wieħed u għoxrin miljun lira Maltin, li llum jiġu ekwivalenti għal kważi mitejn u tnejn u tmenin miljun ewro.

L-Awditur Ġenerali jgħid li dan is-suppost ftehim ma nżammx għaliex fi Frar elfejn u disgħa, il-Gvern Nazzjonalista kien reġa’ ħallas ftit aktar minn ħames miljun ewro oħra, VAT eskluża.

Ir-rapport jinnota wkoll li ma’ din is-somma li tħallset, il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi ta rinunzja assoluta tad-drittijiet, liema dispożizzjoni esponiet lill-Gvern għal riskji kbar fosthom li kemm il-darba jirriżulta li hemm xi difetti fuq ix-xogħol, il-mezz ta’ rikors legali kien se jagħmilha aktar diffiċli għal Gvern biex ifittex lil Skanska, li kienet il-kumpanija fdata bil-bini tal-isptar.

L-Awditur Ġenerali saħaq ukoll li l-uffiċju tiegħu lanqas ma ġie pprovdut b’dokumnetazzjoni dwar meta l-Gvern Nazzjonalista tal-elf disa’ mija tmienja u disgħin ħatar il-konsorzju ta’ Skanska biex jaħdem fil-kostruzzjoni tal-isptar.

Fil-fehma tal-Awditur Ġenerali, din is-sensiela ta’ bidliet diżorganizzati ta’ min kien qed jaħdem fuq il-proġett tal-isptar, li ħa sbatax-il sena biex jitlesta, rriflettiet ħażin fuq l-ippjanar u l-kontroll tal-proġett.

 

 

Bank Ġermaniz jikkonferma li għadu jinnegozja ma’ Malta; kontra dak irrapportat

B’reazzjoni għal artiklu li ħareġ fuq il-ġurnal The Malta Independent tal-Ħadd li għadda bl-isem “Major global bank no longer accepting declarations issued by Maltese auditing firm”, The Accountancy Board kkonferma li l-allegazzjoniji li l-bank Commerzbank AG m’għadux jaċċetta dikjarazzjonijiet maħruġa minn kumpaniji tal-awditjar Maltin, mhix vera.

Dan hekk kif l-istess Bord ikkonferma li l-kwistjoni li semma l-istess ġurnal kien wieħed speċifiku li jinvolvi struttura tal-kumpanija partikolari.

Il-Bord qal li dan bl-ebda mod ma għandu x’jaqsam mal-ġursdizzjoni ta’ Malta jew ma’ awdituri Maltin.

 

Nexia BT tkompli tikkonferma li Egrant tagħha

L-Awdituri ta’ Nexia BT reġgħu kkonfermaw il-fatt li Egrant, kumpanija rreġistrata l-Panama, hija tad-ditta wara li kisbitha f’Lulju 2013.

Din hija shelf company li kienet lesta biex tkun mibjugħa iżda qatt ma nbiegħet.

Qalu li dan kien ikkomunikat diversi drabi. Fosthom f’April tas-sena l-oħra f’artiklu b’kummenti mal-Maltatoday u f’email lil Rachel Attard, ta’ The Malta Independent, fejn intqal li Egrant kienet parti shelf company u għalhekk ma kienx hemm interess ieħor f’Egrant. Dan ukoll imur lura għal Mejju tas-sena l-oħra.

Aqra aktar

Send this to a friend