ESKLUSSIVA: RCC jerġa’ jiddetta fil-PN u jgħid lil Bernard Grech x’għandu jagħmel

Richard Cachia Caruana qed jerġa’ jiddetta fil-Partit Nazzjonalista bħal ma kien jagħmel sa żmien Simon Busuttil, qabel ma’ Adrian Delia laħaq Kap. Filmati u dettalji ta’ laqgħa anki rrappurtati fil-gazzetta Kullħadd jixhdu kif in-numru wieħed tal-establishment reġa’ sab postu jmexxi t-tim ta’ strateġija tal-Partit Nazzjonalista li issa għandu lil Bernard Grech bħala Kap.

Il-filmat esklussiv ta’ ONE News, li se jixxandar aktar fil-bullettin tal-lejla tas-sebgħa u nofs, juri laqgħa f’kantuniera tal-lobby ta’ lukanda ewlenija f’San Ġiljan bejn Richard Cachia Caruana u Ray Bezzina, illum fdat bit-tmexxija tal-uffiċċju ta’ Bernard Grech fid-Dar Ċentrali. Il-laqgħa li saret nhar l-Erbgħa, kienet intenzjonata biex Cachia Caruana, jagħti struzzjonijiet speċifiċi dwar kif għandha timxi t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista fiż-żmien li ġej fosthom dwar l-istil politiku li għandu jaddotta Bernard Grech.

Il-gazzetta Kullħadd irrappurtat li l-laqgħa ta’ din il-ġimgħa kienet biss waħda minn sensiela li qed isiru regolarment mindu Bernard Grech kien magħżul mill-istess establishment biex jikkontesta għat-tmun tal-Partit u eventwalment ittajjar qabel il-waqt Adrian Delia. Matul il-laqgħa tal-Erbgħa, li bdiet għall-ħabta ta’ nofsinhar u damet sas-siegħa u kwart ta’ wara nofsinhar, Cachia Caruana għamel aktar minn siegħa jiddetta lil Ray Bezzina, l-eks chief of staff ta’ George Pullicino li kien involut fl-ingaġġ skandaluż fil-Wasteserv sal-aħħar jiem ta’ qabel l-elezzjoni tal-2013.

Ġurnalist ta’ ONE News, li kien fuq il-post b’mod diskret, seta’ jinnota lil Cachia Caruana spiss jiżbroffa u jgħolli leħnu ma’ Bezzina. Minn ftit metri bogħod, stajna ninterpretaw tajjeb ħafna kif Cachia Caruana kien qed jagħti direzzjoni dwar kif għandu jitmexxa Bernard Grech fix-xogħol tiegħu hekk kif dan m’għandu l-ebda esperjenza politika għajr fil-kampanja kontra d-divorzju għaxar snin ilu.

Fil-laqgħa ssemmiet b’mod partikolari l-kwistjoni tal-finanzi tal-Partit u d-djun rikurrenti tiegħu li jammontaw għal miljuni kbar. Fil-laqgħa Cachia Caruana ordna wkoll lil Bezzina biex jgħid lil Bernard Grech isabbat iżjed saqajh kemm internament fil-partit kif ukoll fl-irwol tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Issemmiet ukoll ir-reshuffle fix-Shadow Cabinet li apparti Bezzina kien involut fiha Louis Galea. Fl-istess laqgħa fil-lukanda, Cachia Caruana tkellem dwar nies li għandhom ikunu fil-lista tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss u fuq liema distretti għandhom jikkontestaw.

Richard Cachia Caruana hu magħruf li dejjem kellu l-aħħar kelma u rwol ewlieni fl-establishment. Sal-2012 kien Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fi Brussell taħt il-Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi u kien anki konsulent tal-eks Prim Ministru.Fl-2012 kien tneħħa mill-kariga uffiċjali b’mozzjoni storika Parlamentari u meta l-istess Gonzi rriżenja minn Kap tal-partit wara t-telfa tal-elezzjoni ġenerali tal-2013, Cachia Caruana baqa’ jiddetta fil-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil.

Aktar dettalji dwar din l-istorja esklussiva fil-bullettin tal-aħbarijiet tas-sebgħa u nofs tal-lejla fejn se jixxandru anki filmati tal-laqgħa.

Id-Dar tal-Providenza ma taċċettax id-donazzjoni ta’ nofs miljun ewro li kien ippreżenta Delia

Id-Dar tal-Providenza mhux se taċċetta d-donazzjoni mingħand il-Grupp Catco u li ġiet ippreżentata mill-Eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia fil-maratona ġbir ta’ fondi fl-ewwel tas-sena.Aqra aktar

BIL-FILMAT: Delia jgħid li Grech tela’ bl-għajta tal-għaqda u dawk imminati ġew trattati bħall-għadu

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kompla jibgħat messaġġi ċari u iebsin lill-Kap Bernard Grech li jinsab irrabjat għal mod kif Delia qed ifixkel fl-istrateġija tal-partit li jagħti l-impressjoni li hu magħqud.

Delia mar fuq l-istazzjon FLiving u beda jitkellem dwar il-fatt li numru ta’ kandidati ġew imminati fl-elezzjonijiet tal-kumitati sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista.

Aqra aktar

BIL-FILMAT: Bernard Grech ma jieħu xejn tajjeb dak li qal Delia dwar il-blockvote fil-PN

Il-Kap Bernard Grech ma niżlitlu xejn tajjeb l-istqarrija pubblika li għamel il-Ġimgħa filgħaxija fuq facebook l-eks Kap Adrian Delia, meta pubblikament wassal messaġġ iebes lit-tmexxija Nazzjonalista preżenti u talab biex il-ġlied jieqaf issa.

Dwar il-block vote u l-imminar ta’ kandidati Nazzjonalisti minn Nazzjonalisti oħra, Delia qal kif il-Partit Nazzjonalista qed jagħlaq il-bieb saħansitra lin-Nazzjonalisti.

Sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li l-Kap ma ħadha xejn tajjeb li Delia mar jitkellem fil-pubbliku dwar l-aħħar ġlied fil-partit għaliex it-tmexxija preżenti dejjem qed tagħti stampa li l-firda hija xi ħaġa tal-passat.

Aqra aktar

Delia jixhed f’każ li kien allegat li aġixxa b’mod mhux xieraq

L-Eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia tela’ fuq il-pedana tax-xhieda fil-Qorti u ċaħad li aġixxa b’mod mhux xieraq dwar pagament li d-ditta legali tiegħu rċeviet mill-eks klijent Boris Arcidiacono.

Delia rrakkonta li hu u Arcidiacono ħarġu flimkien jieħdu x-xampanja biex jiċċelebraw wara li ffirmaw ftehim bankarju dwar self.

Adrian Delia ttella’ l-Qorti biex jixhed f’każ li fetaħ Arcidiacono fejn akkuża lill-bank HSBC li ħalla lil Delia jitlob miżata ta’ sitta u tmenin elf, mitejn u għaxar ewro mill-faċilita tas-self li għandu mal-HSBC.

Aqra aktar

Fil-PN tfeġġ kriżi oħra hekk kif reġa’ faqqa’ ġlied kbir

Fil-Partit Nazzjonalista, din id-darba mmexxi minn Bernard Grech, reġa’ faqqa’ ġlied kbir bejn iż-żewġ fazzjonijiet, dik ta’ Simon Busuttil li tellgħet lil Grech Kap u dik ta’ Adrian Delia, li erba’ xhur ilu tilfet it-tmun tal-partit. L-aħħar ġlied qam dwar l-intriċċi li ħarġu fil-beraħ fl-aħħar jiem b’rabta mal-elezzjonijiet fil-kumitati sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista.

Wara li numru ta’ kandidati ta’ Delia rtiraw għaliex ma felħux iżjed jiġu mminati min-Nazzjonalisti stess, l-eks Kap Adrian Delia kiteb fuq il-profil tiegħu fuq facebook u għadda messaġġ iebes lit-tmexxija preżenti Nazzjonalista, li kienet hi li qaċtitu f’Ottubru li għadda.

Delia rrefera għal mod kif ċertu Nazzjonalisti ġew imweġġa’ u riżultat ta’ dan se jibqa’ jitkisser il-partit. Talab biex dawn l-attakki jieqfu u appella lil tan-naħa l-oħra biex iċedu biċċa. F’kitba skjetta, Adrian Delia qal kif il-Partit Nazzjonalista qed jagħlaq il-bieb saħansitra lin-Nazzjonalisti. Delia, li ma riedx ikun parti mix-shadow cabinet ta’ Bernard Grech, imbagħad ippubblika l-istqarrija li ħarġet mid-disa’ kandidati li rtiraw mill-elezzjonijiet tal-kumitati sezzjonali.

Intant fl-aħħar żviluppi b’rabta mal-aħħar kriżi fil-Partit Nazzjonalista, il-kumitat sezzjonali ta’ Bormla rriżenja f’daqqa wara li kien għadu kif ġie elett u dan b’solidarjetà ma’ dawk il-kandidati ta’ Delia li ġew imminati f’tas-Sliema. F’ittra li s-sitt membri tal-kumitat ta’ Bormla bagħtu lis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech qalu li l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista mxiet b’idejn tat-tajjar u baqgħet passiva quddiem block vote ċar f’tas-Sliema kontra Nazzjonalisti stess.

Il-membri tal-kumitat Bormliż, magħrufa għall-appoġġ li jagħtu lil Delia, qalu li l-Partit Nazzjonalista m’għadux l-istess partit li twieldu u trabbew fih.

Aktar kmieni f’tas-Sliema qam rebus sħiħ wara li wieħed minn ta’ Bernard Grech beda jibgħat messaġġi u jimbotta għal block vote biex fil-kumitat jitilgħu l-membri ta’ Bernard Grech u jitqaċċtu ta’ Delia. Fil-fatt fil-messaġġi, il-Kunsillier Nazzjonalista Slimiż Kevin Wain kiteb biex dawk ta’ Delia ma jieħdux vot mit-tesserati li kienu se jivvutaw.

Riżultat ta’ dan, il-kandidati li appoġġjaw lil Adrian Delia u li kienu fl-elezzjoni tal-kumitat, il-Ġimgħa filgħaxija marru d-Dar Ċentrali u nfurmaw lil Kap tal-Kummissjoni Elettorali Peter Fenech li qed jirtiraw minn elezzjoni li biha ħassewhom attakkati anki personalment. Fil-fatt għal din il-firda kollha fil-Partit Nazzjonalista, dawn il-kandidati ħarġu stqarrija u qalu li l-kandidatura tagħhom ntlaqgħet b’livell ta’ kritika kattiva u estrema li ma kinitx la f’postha u lanqas f’waqtha. Issa f’tas-Sliema mhux se tkun qed issir elezzjoni u ta’ Bernard Grech mal-ewwel ħarġu jgħidu messaġġ wieħed li l-elezzjoni mhux se ssir għaliex is-seba’ kandidati tal-fazzjoni Busuttil ġew eletti kollha awtomatikament wara li ta’ Delia rtiraw. Dan il-messaġġ anki ħareġ fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista.

Send this to a friend