Il-preskrizzjoni marbuta ma’ abbuż sesswali fuq tfal se tiżdied

Il-preskrizzjoni marbuta ma’ abbuż sesswali fuq minuri ser isir ekwivalenti għal dak marbut ma’ omiċidju volontarju.

Din hija biss waħda mill-bidliet legali li qed jipproponi l-Gvern sabiex tiżdied il-protezzjoni tat-tfal kontra l-abbużi sesswali u ħtif ta’ tfal fost l-oħrajn. Dan ħabbruh il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u l-Ministru għat-tfal Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha ġie mħabbar kif fost l-oħrajn tfal ta’ 16-il sena jistgħu jfittxu għajnuna psikjatrika mingħajr il-ħtieġa ta’ kunsens mill-ġenituri jew xi adult.

Il-Ministru Falzon stqarr kif dan kien il-pass naturali li kellu jittieħed sabiex l-ebda aggressur ma jingħata l-opportunità li jċaħħad il-vittma mill-għajnuna medika.

Huwa stqarr: “Qed naraw ukoll li dawk  li jkollhom sittax-il sena jkunu iktar empowered bihom infushom, fejn jistgħu jagħtu l-kunsens tagħhom mhux biss għal trattament mediku, iżda kull tip ta’ trattament, psikoloġiku, psikjatriku, emozzjonali.”

Il-Ministru Edward Zammit Lewis ukoll spjega kif il-Gvern qiegħed iħares ukoll lejn it-twessigħ tad-diskrezzjoni tal-Qorti sabiex anke f’sitwazzjonijiet riżultat ta’ realtajiet soċjali ġodda, ikun hemm ġustizzja.

Huwa sostna: “Rajna li hemm bżonn li nagħtu diskrezzjoni lill-Qrati tagħna sabiex mhux biss min għamel dawn ir-reati jieħu dak li ħaqqu b’ċerta għebusija  għaliex huwa reat li inti qed tagħmlu mhux biss sesswali iżda fuq minuri, pero min-naħa l-oħra nagħtu d-diskrezzjoni lil Qorti li tevalwa ċertu ċirkostanzi li jistgħu jinqalgħu pereżempju fejn għandek iktar minuri u adulti li huma viċin xulxin, pereżempju ġuvni ta’ 19-il sena u tfajla ta’ 15-il sena.”

Fil-konferenza tal-aħbarijiet issemma wkoll kif qed ikun propost li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-minorenni tiġi estiża għall-persuni li jkollhom inqas minn 18-il sena u mhux 16.

Ġie spjegat ukoll kif anke f’każijiet fejn ġenituri jaħarbu bit-tfal tagħhom lil hinn minn xtutna, din ser tkun klassifikata wkoll bħala ħtif għall-finijiet tal-liġi.  L-abbozz jintroduċi wkoll emenda li tara li atti sesswali mal-annimali ser ikun klassifikat bħala reat ta’ maltrattament tal-annimali.

Kumpens ta’ €23,000 għal min weħel il-ħabs fuq gidba

Emanuel Camilleri, li kien weħel il-ħabs wara li l-eks mara tiegħu gidbet li hu abbuża sesswalment minn bintu, ingħata €23,000 f’kumpens.

Camilleri kien weħel sentejn ħabs u li kien diġà skonta ftit iżjed minn nofsha.

Bintu kienet ammettiet li gidbet fuq missierha wara li sostniet li kienet ġiet imġiegħla minn ommha.

Isem Camilleri kien tneħħa minn fuq ir-reġistru tal-pedofeli iżda kien baqa’ mingħajr kumpens.

F’kawża ċivili, tliet imħallfin ordnaw li r-raġel ħaqqu jieħu kumpens.

Ritratt: Chris Sant Fournier

Send this to a friend