Malta ħafna aħjar minn ta’ għaxar snin ilu – il-PM

Fl-isfond li fuq il-midja soċjali għaddejja dik imsejħa ‘10 year challenge’, fiż-Żurrieq il-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat tkellem dwar kif għaxar snin ilu l-kwistjoni prinċipali għall-poplu kienet il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Illum il-ġurnata l-poplu għandu rasu mistrieħa.

Quddiem folla mdaqqsa l-Prim Ministru semma kif 10 snin ilu l-ekonomija Maltija kienet staġnata u llum pajjiżna għandu ambjent ekonomiku b’saħħtu.

Hawn irrefera għal rapport tal-Forum Ekonomiku Dinji li għaxar snin ilu kien ikklassifika l-pajjiżna bħala l-71 pajjiż fid-dinja li għandu ambjent ekonomiku b’saħħtu.

“Illum mhux ninsabu l-aqwa fl-Ewropa imma saħansitra l-aqwa fid-dinja”, saħaq Dr. Muscat.
Semma kif għaxar snin ilu kullħadd kien jitbekka għax-xogħol, illum ġustament il-ħaddiema qed jitolbu kwalità ta’ xogħol aħjar għaliex in-narattiva tal-poplu nbidlet frott tal-bidla li nġabet minn dan il-Gvern.

“Għaxar snin ilu ma konniex nafu x’inhu surplus, konna nafu biss x’inhu defiċit”, qal il-Prim Ministru li żied jgħid, “Irridu ntellgħu ġenerazzjoni ta’ nies li defiċit ma jkunux jafu xi jfisser.”

Il-Prim Ministru saħaq li qabel min kien juża s-servizz taċ-childcare kien meqjus bħala sinjur.

“Illum kullħadd juża s-servizz taċ-childcare b’xejn”, qal il-Prim Ministru fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.

Bl-aġenda riformista ta’ dan il-Gvern semma wkoll kif inbidel għall-aħjar is-settur edukattiv u qal kif għaxar snin ilu ma kienx hawn trasport b’xejn għall-iskejjel u l-prezzijiet tal-uniformijiet kienu kkaratterizzati minn suq salvaġġ filwaqt li llum għandek prezz regolat għall-uniformijiet tat-tfal tal-iskola.

Il-Prim Ministru semma wkoll il-pensjonanti li kienu meqjusa foqra għaxar snin ilu u llum qed jirċievu żieda wara l-oħra.

B’rabta mal-pensjonanti semma s-settur tas-saħħa u qal kif għaxar snin ilu kien hemm l-mediċini ‘out of stock’ u llum din il-problema spiċċat.

Frott il-bidla li ġab dan il-Gvern, il-Prim Ministru spjega kif għaxar snin ilu, anki l-faqar kien qed jgħolli rasu u llum dan ġie indirizzat u naqas ferm.

Hawnhekk b’ton umli l-Prim Ministru qal li l-Gvern xorta huwa saqajh mal-art u quddiem din il-bidla pożittiva jagħraf li hawn min għandu sfidi u jrid ikun il-Gvern li jwieżen.

Il-Prim Ministru semma wkoll l-infrastruttura tal-pajjiż.

“Nistgħu nieħdu ritratt għat-10 year challenge tal-infrastruttura tal-pajjiż. Illum pajjiżna qed jinbidel u għas-snin li ġejjin se nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-pajjiż”, qal Dr. Joseph Muscat.

Semma wkoll it-turiżmu u qal kif għaxar snin ilu, iż-żieda fin-numru tat-turisti li żidnih din is-sena kien jiżdied f’sitta jew seba’ snin.

Il-Prim Ministru qal li għal din is-sena se nkunu qed nilħqu l-mira ta’ tliet miljun turist fis-sena.

Kif spiċċaw il-bużullotti!

Din il-ġimgħa l-operatur tat-trasport pubbliku ħabbar il-figura ta’ kemm nies użaw it-trasport pubbliku fis-sena li għada kif għaddiet. 53.4 miljun passiġġier għażlu li jużaw dan il-mezz tat-trasport. Dan ifisser li qed naraw żieda ta’ 11.3% fl-użu mis-sena 2017 għas-sena 2018; żieda li tfisser aktar minn 5 miljun passiġġier minn sena għal oħra. Is-sena 2018 tfisser ukoll żieda ta’ 61.3% fl-użu tat-trasport pubbliku meta mqabbla mas-sena 2011.Aqra aktar

Jirriżenja minn kunsillier tal-PN u ma jkellmu ħadd

10 ijiem ilu Raymond Caruana rriżenja minn kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żejtun u sal-lum ħadd mit-tmexxija jew mill-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ma kellmu.

“Meta jien tfajt ir-riżenja tiegħi… mir-riżenja tiegħi ’l hawn ebda konferma li tgħidli isma’ jien irċivejt l-ittra tiegħek, għidli x’ġara,” qalilna Caruana li spjega kif mar bl-ittra personalment biex ikun ċert li waslet.

Aqra aktar

 L-MPE Mizzi: Bżonn ta’ aktar fondi għal programmi edukattivi u kulturali transkonfinali

 

 

Hi u tindirizza l-Parlament Ewropew, fir-rwol tagħha ta’ rapporteur fil-kumitat CULT, dwar dispożizzjonijiet speċifiċibl-għan ta’ koperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern, l-MPE Marlene Mizzi qalet li “dawn l-istrumenti ta’ finanzjament huma kruċjali jekk irridu li jkollna Unjoni li tappartjeni liċ-ċittadini, u li tagħtihom importanza irrispettivament min fejn ġejjin.

Aqra aktar

Intlaħqu 100% tal-miri finanzjarji tas-sena 2018 għal fondi Ewropej

– madwar €242 miljun investiment fl-infrasfruttura, sigurtà, xogħol, ħiliet, u livell ta’ għixien f’Malta

 

Malta laħqet il-miri finanzjarji taħt ir-regola tal-N+3 tal-fondi Ewropej fil-kuntest tal-programm ta’ fondi 2014-2020. Dan laħqitu fl-aħħar ta’ Diċembru 2018.

 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li l-miri kumulattivi taħt il-programmi tal-fondi Ewropej intlaħqu kollha. Malta investiet total ta’ madwar €242 miljun, u l-immaniġjar għaqli tal-fondi Ewropej illum huwa parti mis-suċċess ekonomiku li qed jikseb pajjiżna.

 

Dan ifisser li Malta investiet il-fondi kollha allokati għaliha fil-ħin, u mhux se tkun qed tibgħat ebda fondi lura, hekk kif jistipula l-prinċipju ta’ automatic decommitment.

 

Skont dan il-prinċipju tal-Kummisjoni Ewropea, jekk ikun hemm fondi kommessi għal programm li ma jintefqux sal-iskadenzi stabbiliti f’dan il-programm, dawn il-fondi jintilfu u jintbgħatu lura.

 

Is-Segretarju Parlamentari spjega li din il-kisba se tkun qed tpoġġi it-tim ta’ negozjaturi Maltin f’pożizzjoni ferm iktar b’saħħitha sabiex niksbu ‘a fair deal’ fil-Multiannual Financial Framework (MFF) li jmiss, liema negozjati għandhom jagħlqu lejn l-aħħar tal-ħarifa dis-sena.

 

Il-programmi li għalihom intlaħqu t-targets kumulattivi finanzjarji jinkludu il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali (€104.8 miljun), il-Fond Soċjali Ewropew (€33.8 miljun), il-Fond ta’ Koeżjoni (€65 miljun),  il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (€20.9 miljun), il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (€5.9 miljun), il-Fond għas-Sigurtà Interna (tal-Fruntieri) (€5.3 miljun), il-Fond għas-Sigurtà Interna (Pulizija) (€2.1 miljun), u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (€3.4 miljun).

 

Farrugia spjega li s-sena 2018 kienet waħda diffiċli għall-implementazzjoni tal-fondi Ewropej, iżda minkejja dan, Malta laħqet il-miri kollha tagħha mil-bidu tal-programm sa l-aħħar tas-sena li għaddiet.

 

Proġetti fl-infrastruttura jinkludu l-Kappara Junction, il-Marsa Junction Super Structures, Marsa-Hamrun Bypass, investiment sinifikati fl-infrastruttura tal-ilma, ir-Riġenerazzjoni tan-naħa t’isfel tal-Belt, u l-estenzjoni tax-Xewkija Industrial Park f’Għawdex.

 

Il-ftuħ riċenti tal-Mużew kontemporanju ġdid MUŻA huwa investiment ieħor. Proġetti li jikontribwixxu għat-titjib tal-livell ta’ għejxien jinkludu kreazzjoni u riabilitazzjoni ta’ housing units, kif ukoll l-MCAST Campus Master Plan.

 

‘Soft funds’ intużaw għall-iżvilupp ta’ tagħrif, ħiliet, u kompetenzi ta’ livelli varji tal-popolazzjoni permezz ta’ proġetti bħal One Tablet Per Child, ‘Access to Employment’ għan-nies vulnerabbli u l-iskema tal-ENDEAVOUR Scholarships.

 

Fis-sigurtà, saret l-ordni għall-patrol vessel ġdida, kif ukoll xiri ta’ software għat-twaqqif tal-Passenger Name Record System fost oħrajn.

 

L-iżvilupp tal-breakwater tal-Marsaxlokk, proġett ta’ taħriġ, u numru ta’ skemi differenti se jkomplu jtejbu x-xogħol u l-għejxien tas-sajjieda. Miljuni ta’ ewro ġew investiti għall-benefiċju tal-bdiewa u s-settur tal-agrikoltura, inkluż il-modernizzar tal-irziezet, xiri ta’ għodda, f’riġenerazzjoni ta’ toroq rurali u ħitan tas-sejjieħ, proġetti biex isaħħu organic practices, u għajnuna diretta għal bdiewa żgħażagħ.

Helena Dalli f’laqgħat ma’ Ministru Spanjol dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli f’laqgħa mal-Ministru Spanjol għall-Affarijiet Barranin, l-Unjoni Ewropea u l-Kooperazzjoni Josep Borrell

 

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli ltaqgħet mal-Ministru Spanjol għall-Affarijiet Barranin, l-Unjoni Ewropea u l-Kooperazzjoni Josep Borrell fil-Berġa t’Aragona.

 

Iż-żewġ Ministri tkellmu dwar temi kurrenti fil-kuntest tal-futur tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari dwar Brexit, il-migrazzjoni u l-qafas finanzjarju pluriennali.

 

Dalli u Borrell qablu li  l-Unjoni għandha tibqa’ magħquda fil-pożizzjoni komuni tas-27 Stat Membru dwar Brexit. Iż-żewġ ministri qalu li rridu naħdmu ħafna biex din l-għaqda narawha wkoll fuq il-kwistjoni tal-migrazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Ministri sostnew li s-sitwazzjoni attwali mhijiex tenibbli u qablu li ma jistgħux jibqgħu jittieħdu deċiżjonijiet ad hoc għal kull vapur li jasal.

 

Għal kuntrarju, il-Ministri tennew l-impenn tagħhom favur mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni mandatorja maqbul bejn l-iStati Membri. Dan bil-għan li jintbgħat messaġġ ċar liċ-ċittadini li l-Unjoni Ewropea kapaċi tasal għal soluzzjoni ġusta abbażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà b’responsabbiltà, biex kulħadd jagħti is-sehem tiegħu.

 

Helena Dalli u Josep Borrell tkellmu wkoll dwar il-ħtieġa ta’ investiment sostenibbli fil-kontinent Afrikan bil-għan li tinbena reżiljenza waqt li r-realtà tal-migrazzjoni rregolari tiġi indirizzata fis-sors tagħha.

 

Fil-laqgħa spikka wkoll il-kunsens li n-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għandhom jintemmu malajr kemm jista’ jkun.  Fil-laqgħa ssemmiet ukoll il-politika ta’ koeżjoni, bil-Ministru Helena Dalli ttenni l-importanza ta’ din il-politika Ewropea għal pajjiżna.

Analiżi żbaljata, inkonsistenti u negattiva

 

Fir-reazzjoni tiegħu għar-rapport tal-IMF, il-Partit Nazzjonalista qed juri li minkejja s-suppost mod ġdid, l-analiżi ekonomika se tibqa’ l-istess bħalma kienet fis-snin li għaddew: Żbaljata, inkonsistenti u negattiva. Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija.

Aqra aktar

Send this to a friend