Internazzjonali – Page 377 – One News

Notifiki

Festa nazzjonali fiż-Żimbabwe f’isem Mugabe

Iż-Żimbabwe ddikjara l-21 ta’ Frar bħala festa pubblika – Jum Robert Gabriel Mugabe.

Biex il-jum li fih twieled dak li sa ftit tal-jiem ilu kien il-President taż-Żimbabwe, se jibqa’ jkun imfakkar kull sena.

Fl-aħħar żviluppi mill-pajjiż Afrikan, il-President il-ġdid Emmerson Mnangagwa mistenni jifforma Kabinett aktar tard dil-ġimgħa, wara li Mugabe rriżenja l-ġimgħa li għaddiet.

Biża’ li jiżbroffa l-vulkan f’Mount Agung f’Bali

Żdiedet il-biża’ li jiżbroffa l-vulkan f’Mount Agung f’Bali; bl-awtoritajiet Indoneżjani għollew it-twissija għall-ogħla livell.

L-ajruport tal-gżira wkoll ingħalaq biex ħalla eluf ta’ persuni bla alternattiva biex jitilqu mill-iktar gżira popolari mat-turisti fl-Indoneżja.

L-awtoritajiet qalu li nnotaw duħħan iswed u rmied mat-3,400 metru ogħla mis-summit tal-muntanja; b’xi nħawi saħansitra ħadu n-nar.

Uffiċjali wissew lir-residenti biex joqogħdu kemm jista’ jkun ’il bogħod miż-żona.

Mill-Vatikan għall-Myanmar

Il-Papa Franġisku jinsab fi triqtu lejn il-Myanmar f’dik li hija l-ewwel żjara Papali f’dan il-pajjiż.

Huwa mistenni jiltaqa’ mal-mexxej tal-Myanmar Aung San Suu Kyi, u l-Kap tal-Militar tal-pajjiż.

Il-Papa mbagħad se jżur il-Bangladesh fejn mistenni jiltaqa’ ma’ grupp ta’ refuġjati f’ġest simboliku.

Dan f’kuntest ta’ Papa li kull ma jmur qed isir magħruf għall-opinjonijiet moderati tiegħu, u r-rieda li jiddenunzja l-inġustizzja globali.

Traġedja fil-baħar Mediterran tħalli 30 vittma

Kienu aktar minn 30 l-immigranti – uħud minnhom tfal, li tilfu ħajjithom fil-baħar Mediterran wara li nqelbet id-dgħajsa li kienu fufqha.

It-traġedja seħħet is-Sibt mal-kosta Libjana, meta bit-tama għal ħajja aħjar, numru t’immigranti mifruxa fuq żewġ dgħajjes kienu qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran.Aqra aktar

Nirien f’lukanda fil-Ġorġja jħallu l-vittmi

Nirien f’lukanda fil-Ġorġja ħallew 11-il persuna mejta u 21 oħra midruba. Il-vittmi mietu minħabba li belgħu duħħan fil-lukanda ta’ 22 sular.

Il-kawża tan-nirien – li damu sigħat biex intfew, għadha mhix magħrufa. Aktar minn 100 persuna ġew evakwati mil-lukanda.

L-identifikazzjoni tal-vittmi għadha mhix uffiċjali, għalkemm il-Ministeru tal-Intern qal li fost dawk mejta kien hemm Iranjan u 10 Ġorġjani.

Fl-istqarrija ntqal ukoll li dawk midruba ttieħdu l-Isptar u l-kundizzjoni tagħhom hija stabbli.

Il-Pulizija Ingliża tfittex żewġt irġiel b’rabta mal-inċident f’Oxford Street

Il-Pulizija Ingliża ppubblikat ritratti ta’ żewġt irġiel li qed ikunu mfittxija b’rabta mal-kommossjoni li nqalgħet il-Ġimgħa filgħaxija f’Oxford Street.

Kommossjoni li kawża tagħha, sittax-il persuna sofrew xi ġrieħi wara rapporti li nstemgħu tiri minn arma tan-nar. Rapporti li ġew miċħuda mill-Pulizija.

L-Uffiċjali Ingliżi qed ikelmu lil kull minn kien fl-istazzjon tal-ferrovija t’Oxford Circus fil-ħin li saret l-evakwazzjoni.

Għal xi ħin, l-istazzjonijiet ta’ Oxford Circus u Bond Street kienu magħluqin għall-pubbliku, u n-nies f’Oxford Street kienu ordnati jsibu kenn fil-ħwienet u ma joħorġux minn djarhom.

Ir-rispons tal-Pulizija l-Ġimgħa filgħaxija kien immedjat u daqslikieku l-inċident kien wieħed terroristiku.

Il-President Eġizzjan dwar l-attakk imdemmi fil-Moskea

Il-President tal-Eġittu Abdul Fattah al-Sisi wiegħed li se jirrispondi bl-“ikbar forza” possibbli għall-attakk f’Moskea l-Ġimgħa wara nofsinhar li ħalla aktar minn mitejn u tletin persuna bla ħajja.

Huwa qal li l-Forzi Armati u l-Pulizija tal-pajjiż se jaħdmu biex fil-pajjiż iġibu lura s-sigurtà u l-istabbiltà.

L-attakk seħħ f’Moskea fil-ħin li mijiet kienu qed jitolbu bħalma jagħmlu kull nhar ta’ Ġimgħa.

Ħadd għadu ma refa’ r-responsabbiltà għall-aktar attakk imdemmi fl-istorja riċenti tal-Eġittu.

Send this to a friend