Internazzjonali – Page 368 – One News

Notifiki

Inċident fuq il-baħar fil-Korea t’Isfel iħalli l-vittmi

Minn tal-inqas 13-il persuna tilfu ħajjithom meta dgħajsa tas-sajd baqgħet dieħla f’tanker ta’ 336 tunnellata ftit ’il barra mill-kosta tal-Korea t’Isfel.

Bħalissa għaddejja operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ bis-sehem ta’ ħelikopters tal-flotta Navali u għexieren ta’ vapuri hekk kif hemm xi persuni rrapurtati nieqsa.

Fil-ħin tal-inċident, id-dgħajsa tas-sajd kienet qed iġġorr 20 passiġġier u żewġ membri tal-ekwipaġġ.

Il-kawża tal-inċident għadha mhix magħrufa.

Apparat suspettuż viċin suq tal-Milied fil-Ġermanja

Il-Pulizija Ġermaniża qed tinvestiga apparat suspettuż li nstab viċin suq tal-Milied f’Potsdam.

L-apparat kellu fih imsiemer, batteriji u wajers, u ntbagħat lil spiżerija fil-kapitali Berlin.

Fil-bidu, il-Pulizija qalet li fl-apparat kien hemm tliet splussivi, iżda mbagħad iċċarat li ma kienx hemm detonatur li seta jattiva l-istess splussivi. Madanakollu bħala prekawzjoni, iż-żoni ta’ madwar is-suq ġew evakwati.

L-apparat instab f’Brandenburgerstrasse fiċ-ċentru ta’ Potsdam, li bħal bliet oħra fil-Ġermanja wkoll hija magħrufa għas-swieq tal-Milied.

Il-Ministru għall-Intern ta’ Brandenburg, Karl-Heinz Schröter, qal li l-Pulizija Ġermaniża għaddejja bi tfittxija fl-inħawi biex tara jekk hemmx xi apparat simili.

Bħalissa fil-Ġermanja hemm aktar minn 2,600 suq tal-Milied, li fid-dawl tal-attakk terroristiku f’Berlin is-sena l-oħra, qed jaraw żieda sostanzjali fil-preżenza t’Uffiċjali tal-Pulizija.

F’Diċembru tas-sena l-oħra kienu mietu 11-il persuna f’attakk terroristiku f’Berlin, meta vann kien saq fuq in-nies f’suq tal-Milied.

 

Festa nazzjonali fiż-Żimbabwe f’isem Mugabe

Iż-Żimbabwe ddikjara l-21 ta’ Frar bħala festa pubblika – Jum Robert Gabriel Mugabe.

Biex il-jum li fih twieled dak li sa ftit tal-jiem ilu kien il-President taż-Żimbabwe, se jibqa’ jkun imfakkar kull sena.

Fl-aħħar żviluppi mill-pajjiż Afrikan, il-President il-ġdid Emmerson Mnangagwa mistenni jifforma Kabinett aktar tard dil-ġimgħa, wara li Mugabe rriżenja l-ġimgħa li għaddiet.

Send this to a friend