Internazzjonali – Page 365 – One News

Notifiki

Bil-Filmati: Nirien jaħkmu ċentru ta’ rijabilitazzjoni tad-droga

Nirien ħakmu ċentru ta’ rijabilitazzjoni tad-droga f’baku, il-kapitali tal-Ażerbajġan, fejn mietu minn tal-inqas sitta u għoxrin persuna.

Filmati li xxandru fuq it-televiżjoni tal-pajjiż juru nirien ħerġin mit-twieqi mbarrati ta’ binjiet għoljin sular wieħed biss.

L-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Ażerbajġan qalet li erba persuni ttieħdu l-isptar. Il-kawża tan-nirien għadha mhix magħrufa.

Ikkunsidrat l-użu ta’ kannabis mediċinali għal tifel b’kundizzjoni rari fl-Ingilterra

Id-Dipartiment Minsiterjali fir-Renju Unit qal li qed jikkunsidra li japprova li tifel ta’ sitt snin jingħata l-kannabis mediċinali sabiex tgħinu fit-trattament għall-kundizzjoni rari li għandu tal-epilessija.

L-istess dipartiment kien ma laqax it-talva tal-familja ta’ Alfie Dingley minn Warwickshire, biex jieħu din il-kura b’mod legali. Aqra aktar

Tirriżenja persuna oħra viċin Donald Trump

Hope Hicks, waħda mill-aktar konsulenti li servew fit-tul lill-President Amerikan, se tirriżenja minn direttur tal-komunikazzjoni tal-White House.

L-eks mudella ta’ disgħa u għoxrin sena ilha taħdem għal Donald Trump snin, minn ferm qabel ħa t-tmun ta’ President tal-pajjiż.

Hicks hija r-raba’ persuna li serviet bħala kap tal-komunikazzjoni fl-amministrazzjoni ta’ Trump.

Kelliema għall-White House qalet li għadu mhux magħruf meta Hicks se ttemm il-kariga tagħha.

Biex kull ma jmur qed tkompli tiżdied il-lista ta’ persuni qrib Trump li qed jagħżlu li jirriżenjaw.

Investiment ta’ €2 biljun f’Disneyland

Il-kumpanija Walt Disney se tinvesti żewġ biljun ewro f’Disneyland ta’ Pariġi, fejn se tkun qed tkabbar il-park b’lag u żoni ġodda ddedikati għall-films ta’ Frozen, Star Wars u Marvel.

Il-kap ta’ Disney Robert Iger ħabbar dan wara li ltaqa mal-President Franċiż Emmanuel Macron.

Disney qalet li l-iżvilupp se jkun mifrux fuq diversi snin, bix-xogħol jibda fl-elfejn u wieħed u għoxrin.

Fit-tħabbira, Disnet qalet li l-investiment, l-ikbar wiħed mindu nfetaħ l-istess park, juri l-impenn tal-kumpanija għas-suċċess fit-tul tal-post bħala l-qofol tad-ditta Disney fl-Ewropa.

Triplets imma mhux tal-istess età

Fir-ritratt jidhru tlett ibniet li tnejn minnhom għandhom l-istess età filwaqt li waħda minnhom tidher li għandha età differenti. Però interessanti l-fatt li huma kollha tal-istess żmien u fil-fatt huma triplets.

Huma ġew iffertilizzati madwar 9 snin ilu bl-IVF pero’ l-ġenituri ddeċidew li jwasslu għat-twelid ta’ tarbija waħda biss u jżommu t-tnejn l-oħra għal erba’ snin tard. Daisy twieldet fil-21 ta’ Jannar 2010 waqt li Scarlett u Connie twieldu fil-25 ta’ Novembru tas-sena 2013.

L-embrijuni tagħhom kienu kollha ffertilizzati f’April 2009  u waqt li Daisy bdiet triqtha għad-dinja, l-aħwa l-oħra ġew imqiegħda fil-friża.

Daisy l-kbira, tinsab ferħana tgħid l-iskola li hija triplet mhux uffiċjali.

Dan il-każ ġara fl-Ingilterra.

 

L-Ingilterra ma tistax taċċetta l-proposta dwar Brexit mill-UE – Theresa May

Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May qalet li proposta tal-Unjoni Ewropea għall-Irlanda ta’ Fuq thedded l-integrita kostituzzjonali tar-Renju Unit.

Il-qbil legali li għadu mhux finalizzat ippublikat mill-Unjoni Ewropea jipproponi żona regolatorja komuni fuq il-gżira tal-Irlanda wara Brexit, ġaladarba ma jinstabux soluzzjonijiet.

L-Unjoni Ewropea qalet li din il-proposta mhix intenzjonata biex tipprovoka lir-Renju Unit, bin-negozjatur ewlieni Michel Barnier isejjaħ lir-Renju Unit biex joħroġ b’alternattivi.

Sostna li dak miktub fid-dokument kien jikkonsist minn dak li kien maqbul s’issa, filwaqt li kellu soluzzjonijiet konkreti u realistiċi fuq kif se tkun evitata fruntiera fiżika hekk kif ir-Renju Unit jitlaq mill-unjoni doganali.

Terġa’ tinfetaħ l-iskola ta’ Florida wara l-isparaturi li ħallew 17-il student mejta

L-iskola fi Florida fiċ-ċentru ta’ wieħed mill-agħar sparaturi fl-Istati Uniti qed terga tiftaħ, ġimgħatejn wara li eks student qatel sbatax-il persuna. Studenti u għalliema qed jippreparaw għal ritorn emozzjonanti lejn Marjory Stoneman Douglas High School f’Parkland.

Gwardjani armati kienu preżenti u konsulenti kienu fuq il-post sabiex jgħinu lil dawk li kienu qed jirritornaw lejn l-iskola.

Fl-istess waqt, leġiżlaturi ta’ Florida pproponew li tgħola l-eta legali minn tmintax għal wieħed u għoxrin sena biex tixtri arma, filwaqt li l-pulizija jkollhom iktar kontroll biex jissekwestraw armi li jkunu għand persuni morda mentalment.

Il-UN tgħid li l-Korea ta’ Fuq qed tforni lis-Sirja b’materjal kimiku għall-armamenti

Il-midja tal-Istati Uniti qed tikkwota dak li nstab minn esperti tan-Nazzjonijiet Magħquda, iġifieri li l-Korea ta’ Fuq qed tibgħat tagħmir lejn is-Sirja li jista jintuża fil-manifattura tal-armi kimiċi.

Il-materjali jinkludu madum li huwa reżistenti għall-aċtu, valve u pajpijiet. In-New York Times qalet li r-rapport li għadu mhux ippubblikat qal ukoll li l-ispeċjalisti tal-missili ta’ Pyongyang intlemħu f’faċilitajiet fejn isiru l-armi fis-Sirja.

L-allegazzjonijiet ġew wara rapporti ġodda li ntuża l-gass tal-kloru minn forsi Sirjani, bil-gvern jiċħad dan.

Ara: Miljun ewro għal min jgħaddi informazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalist Kuciak

Il-Prim Ministru Slovakk Robert Fico offra premju ta’ miljun ewro għal min jgħaddi informazzjoni fuq il-qtil ta’ ġurnalist investigattiv.

Jan Kuciak ta’ sebgħa u għoxrin sena u s-sieħba tiegħu Martina Kusnirova nqatlu fid-dar tagħhom, madwar ħamsa u sittin kilometru fil-Lvant tal-kapitali.

It-tnejn instabu b’ferita kkawżata minn pistola fil-jum tal-Ħadd. Rapporti qed jgħidu li Kuciak kien se jippubblika investigazzjoni li torbot il-mafja Taljana ma’ korruzzjoni politika.

Send this to a friend