Internazzjonali – Page 364 – One News

Notifiki

L-Ingilterra ma tistax taċċetta l-proposta dwar Brexit mill-UE – Theresa May

Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May qalet li proposta tal-Unjoni Ewropea għall-Irlanda ta’ Fuq thedded l-integrita kostituzzjonali tar-Renju Unit.

Il-qbil legali li għadu mhux finalizzat ippublikat mill-Unjoni Ewropea jipproponi żona regolatorja komuni fuq il-gżira tal-Irlanda wara Brexit, ġaladarba ma jinstabux soluzzjonijiet.

L-Unjoni Ewropea qalet li din il-proposta mhix intenzjonata biex tipprovoka lir-Renju Unit, bin-negozjatur ewlieni Michel Barnier isejjaħ lir-Renju Unit biex joħroġ b’alternattivi.

Sostna li dak miktub fid-dokument kien jikkonsist minn dak li kien maqbul s’issa, filwaqt li kellu soluzzjonijiet konkreti u realistiċi fuq kif se tkun evitata fruntiera fiżika hekk kif ir-Renju Unit jitlaq mill-unjoni doganali.

Terġa’ tinfetaħ l-iskola ta’ Florida wara l-isparaturi li ħallew 17-il student mejta

L-iskola fi Florida fiċ-ċentru ta’ wieħed mill-agħar sparaturi fl-Istati Uniti qed terga tiftaħ, ġimgħatejn wara li eks student qatel sbatax-il persuna. Studenti u għalliema qed jippreparaw għal ritorn emozzjonanti lejn Marjory Stoneman Douglas High School f’Parkland.

Gwardjani armati kienu preżenti u konsulenti kienu fuq il-post sabiex jgħinu lil dawk li kienu qed jirritornaw lejn l-iskola.

Fl-istess waqt, leġiżlaturi ta’ Florida pproponew li tgħola l-eta legali minn tmintax għal wieħed u għoxrin sena biex tixtri arma, filwaqt li l-pulizija jkollhom iktar kontroll biex jissekwestraw armi li jkunu għand persuni morda mentalment.

Il-UN tgħid li l-Korea ta’ Fuq qed tforni lis-Sirja b’materjal kimiku għall-armamenti

Il-midja tal-Istati Uniti qed tikkwota dak li nstab minn esperti tan-Nazzjonijiet Magħquda, iġifieri li l-Korea ta’ Fuq qed tibgħat tagħmir lejn is-Sirja li jista jintuża fil-manifattura tal-armi kimiċi.

Il-materjali jinkludu madum li huwa reżistenti għall-aċtu, valve u pajpijiet. In-New York Times qalet li r-rapport li għadu mhux ippubblikat qal ukoll li l-ispeċjalisti tal-missili ta’ Pyongyang intlemħu f’faċilitajiet fejn isiru l-armi fis-Sirja.

L-allegazzjonijiet ġew wara rapporti ġodda li ntuża l-gass tal-kloru minn forsi Sirjani, bil-gvern jiċħad dan.

Ara: Miljun ewro għal min jgħaddi informazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalist Kuciak

Il-Prim Ministru Slovakk Robert Fico offra premju ta’ miljun ewro għal min jgħaddi informazzjoni fuq il-qtil ta’ ġurnalist investigattiv.

Jan Kuciak ta’ sebgħa u għoxrin sena u s-sieħba tiegħu Martina Kusnirova nqatlu fid-dar tagħhom, madwar ħamsa u sittin kilometru fil-Lvant tal-kapitali.

It-tnejn instabu b’ferita kkawżata minn pistola fil-jum tal-Ħadd. Rapporti qed jgħidu li Kuciak kien se jippubblika investigazzjoni li torbot il-mafja Taljana ma’ korruzzjoni politika.

Tissokta l-ħerba fis-Sirja

Issokta l-ġlied fiż-żona miżmuma mir-ribelli ta’ Ghouta fis-Sirja. Dan fl-ewwel waqfa ta’ ħames sigħat ordnat mill-alleati tal-Gvern tar-Russja.

L-attivisti qalu li kien hemm attakki mill-gvern bl-ajru u tal-artillerija filwaqt li r-Russja qalet li r-ribelli għamlu mezz biex iċ-ċivili jitilqu.

Riżultat ta’ dan, ma kien hemm l-ebda għajnuna min-Nazzjonijiet Magħquda jew evakwazzjonijiet mediċi.

Mat-393,000 persuna jinsabu maqbuda qrib Damasku. Dan filwaqt li aktar minn ħames mitt persuna nqatlu minn mindu l-gvern intensifika l-bumbardamenti disat ijiem ilu.

Sadattant, Franza ħeġġet lir-Russja biex tuża l-influwenza fuq il-President Sirjan, Bashar al-Assad biex tassigura tletin jum ta’ waqfien mill-ġlied li jsegwi l-pajjiż kollu.

Il-Kolossew ta’ Ruma jinxtgħel b’dawl aħmar b’solidarjetà mal-Kristjani ppersegwitati

Nhar is-Sibt, 24 ta’ Frar 2018, il-Kolossew ta’ Ruma inxtgħel bid-dawl aħmar biex jiġbed l-attenzjoni fuq il-qagħda mwiegħra madwar id-dinja tal-Kristjani ppersegwitati minħabba l-Fidi tagħhom fi Kristu. L-avveniment beda fis-6.00p.m.

Din kienet inizjattiva tal-Aid to the Church in Need (ACN), il-Fondazzjoni Pontifiċja ta’ Karità li tappoġġja lill-Kristjani ppersegwitati f’aktar minn 140 pajjiż madwar id-dinja. Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, meta kien quddiem il-monument storiku mixgħul qal: “Hemm miljuni ta’ nies madwar id-dinja li qegħdin isofru minħabba l-Fidi tagħhom, u nippretendu li xejn m’hu xejn.” 

Fost il-mijiet ta’ miljuni ta’ nies li għadhom isofru diskriminazzjoni jew agħar, persekuzzjoni, minħabba l-fidi tagħhom, l-aktar numerużi huma bla dubju l-Kristjani

Nisa fis-Sirja sfruttati sesswalment

In-nisa fis-Sirja kienu sfruttati sesswalment minn irġiel li kienu qed jagħtu l-għajnuna f’isem in-Nazzjonijiet Magħquda u għaqdiet ta’ karita internazzjonali. Qed ikun irrapurtat li l-ħaddiema qalu li l-irġiel kienu qed jinnegozjaw l-ikel u liftijiet għal favuri sesswali.

Minkejja li tliet snin ilu saru twissijiet dwar l-abbuż, rapport ġdid qed juri li l-esplojtazzjoni qed tkompli fin-Nofsinhar tal-pajjiż. Min-naħa tagħhom, in-Nazzjonijiet Magħquda u l-għaqdiet ta’ karita qalu li huma kellhom tolleranza żero għall-esplojtazzjoni u ma kinux konxji ta’ każijiet ta’ abbuż minn organizazzjonijiet imsieħba fir-reġjun.

Send this to a friend