Milqugħ rikors biex jitwaqqaf aċċess għat-tfal b’care order biex jiġi evitat it-tixrid tal-coronavirus

Ippreseduta mill-Imħallef Anthony Vella, laqgħet rikors li għamel il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, sabiex l-aċċess li jsir b’superviżjoni lit-tfal, kemm dawk li jinsabu b’care order u anke oħrajn li mhumiex, jitwaqqaf b’mod immedjat.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li dan qed issir b’rabta mal-prekawzjonijiet neċessarji fuq livell nazzjonali, bl-għan li ma jkunx hemm tixrid tal-coronavirus.

Il-Qorti tagħlaq minħabba l-Coronavirus 

Il-Ministeru għall-Ġustizzja ħabbar l-għeluq tal-qrati tal-ġustizzja mit-Tnejn li ġej minħabba l-imxija tal-Coronavirus.

Fi stqarrija, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li din id-deċiżjoni ttieħdet bi qbil mal-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-President tal-Kamra tal-Avukati Louis de Gabriele.

Madankollu l-istqarrija spjegat li l-qrati tal-ġustizzja għandhom is-setgħa li jiftħu u jisimgħu każijiet urġenti jew każijiet li l-imħallfin u l-maġistrati jħossu li huma fl-interess pubbliku.

Il-Ministru Zammit Lewis stqarr li din id-direttiva li se tidħol fis-seħħ b’avviżi legali se tibqa fis-seħħ sakemm tiġi rrevokata mis-Supretendent tas-saħħa Pubblika.

Qal li din il-miżura qed tittieħed bil-għan li tkun imħarsa s-saħħa ta’ dawk kollha li jidħlu l-qorti u biex tiżdied il-protezzjoni mit-tixrid tal-Covid-19 fl-interess tas-sigurtà u s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Sadattant, l-Awtoritá tax-Xandir appellat lill-ġurnalisti u x-xandara biex ikunu kawti fil-mod ta’ kif jirrapurtaw l-iżviluppi marbuta mal-pandemija tal-Coronavirus.  Dan filwaqt li appellat lill-pubbliku sabiex iserraħ fuq sorsi u stqarrijiet uffiċjali sabiex ma jinħoloqx allarm żejjed u bla bżonn.

 

L-Għaqda Dinija għas-Saħħa tgħid li l-Ewropa saret l-epiċentru għat-tifqiegħa tal-Coronavirus

L-Għaqda Dinija għas-Saħħa kkonfermat li l-Ewropa issa hija l-Epiċentru għat-tifqiegħa tal-Coronavirus. Dan hekk kif kulma jmur il-każijiet dejjem qed ikomplu jiżdiedu filwaqt li fiċ-Ċina naqsu drastikament.

Fil-fatt l-imxija tal-Coronavirus jidher li qed terħi idha fiċ-Ċina. Dan hekk kif matul il-jum il-każijiet ġodda ta’ nies bil-Coronavirus fil-belt ta’ Wuhan kienet inqas minn għaxra b’ebda trasmissjoni lokali.

Madankollu l-istess ma’ jistax jingħad għall-Ewopa hekk kif il-każijiet komplew jiżdiedu.

L-Air Malta bi vjaġġ lejn Madrid sabiex iġġib lill-Maltin maqbuda minħabba l-Coronavirus

Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li se tkun qed torġaniza vjaġġ lejn il-kapitali Spanjoli, Madrid nhar il-Ħadd li ġej.

Il-vjaġġ lejn Spanja se jkun permezz ta’ KM7584 li se jitlaq fil-11 ta’ filgħodu u tasal Madrir fis-siegħa u nofs ta’ wara nofsinhar.

Imbagħad il-vjaġġ lejn Malta se jsir permezz ta’ KM7585 li se jitlaq fis-sagħtejn u għoxrin ta’ wara nofsinhar u se jasal Malta fil-ħamsa neqsin ħamsa ta’ wara nofsinhar.

Dan il-vjaġġ se jkun qed isegwi t-titjiriet imħabbra lbieraħ filgħaxija – lejn Pariġi, Frankurt u Zurich.

Fl-istqarrija l-linja tal-ajru nazzjonali qalet li kull Malti affettwat minn dan, għandu jċempel fuq +35622042200 jew b’email sitcen.mfea@gov.mt.

It-tribunali lokali temporanjament magħluqa bħala mezz ta’ prekawzjoni kontra t-tixrid tal-Coronavirus

Wara diskussjonijiet bejn il-Ministru għall-Intern, Sigurta Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, ġie deċiż li jingħalqu it-tribunali lokali kollha b’effett immedjat sakemm joħroġ avviż ieħor.

Il-kawżi pendenti se jkunu differiti għal ġranet oħra, li se jkunu kkomunikati fi żmien li ġej.

Din id-deċiżjoni, bħad-deċiżjonijiet l-oħra li l-Gvern qed jieħu f’dan il-perjodu, qed tittieħed bħala mezz ta’ prekawzjoni biex kemm il-ħaddiema tat-tribunali lokali kif ukoll il-klijenti jkunu protetti mit-tixrid tal-Coronavirus.

Il-futbol fl-Ingilterra sospiż minħabba l-Coronavirus

Il-futbol fl-Ingilterra ġie sospiż sat-3 ta’ April.

Din is-sospenzjoni se tolqot il-kampjonat Premier Inġliż, it-tliet diviżjonijiet ta’ taħt il-Kampjonat Premier kif ukoll l-ogħla żewġ diviżjonijiet tal-futbol tan-nisa.

Ma’ dawn tħassru wkoll il-logħbiet friendly li kellu jilgħab it-tim internazzjonali Ingliż, kontra l-Italja u d-Danimark fis-27 u l-31 ta’ Marzu rispettivament.

Din issegwi d-deċizjoni tal-UEFA li tipposponi ċ-Champions League u l-Europa League.

Posposti l-logħob taċ-Champions League u Europa League li kellhom jintlagħbu l-ġimgħa d-dieħla

Il-plejers ta’ Real Madrid fi kwarantina wara li plejer tat-tim tal-basketball tal-istess klabb irriżulta pożittiv għall-Coronavirus

Il-plejers tal-klabb ta’ Real Madrid se jkunu qed jinżammu fi kwarantina wara li plejer tat-tim tal-basketball tat-tim Spanjol irriżulta pożittiv għall-Coronavirus.

Dan ifisser li l-logħba taċ-Champions League ta’ nhar it-Tlieta bejn Real Madrid u Manchester City ġiet posposta.

Send this to a friend