Notifiki

Milqugħ rikors biex jitwaqqaf aċċess għat-tfal b’care order biex jiġi evitat it-tixrid tal-coronavirus

Ippreseduta mill-Imħallef Anthony Vella, laqgħet rikors li għamel il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, sabiex l-aċċess li jsir b’superviżjoni lit-tfal, kemm dawk li jinsabu b’care order u anke oħrajn li mhumiex, jitwaqqaf b’mod immedjat.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li dan qed issir b’rabta mal-prekawzjonijiet neċessarji fuq livell nazzjonali, bl-għan li ma jkunx hemm tixrid tal-coronavirus.

Il-Qorti tagħlaq minħabba l-Coronavirus 

Il-Ministeru għall-Ġustizzja ħabbar l-għeluq tal-qrati tal-ġustizzja mit-Tnejn li ġej minħabba l-imxija tal-Coronavirus.

Fi stqarrija, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li din id-deċiżjoni ttieħdet bi qbil mal-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-President tal-Kamra tal-Avukati Louis de Gabriele.

Madankollu l-istqarrija spjegat li l-qrati tal-ġustizzja għandhom is-setgħa li jiftħu u jisimgħu każijiet urġenti jew każijiet li l-imħallfin u l-maġistrati jħossu li huma fl-interess pubbliku.

Il-Ministru Zammit Lewis stqarr li din id-direttiva li se tidħol fis-seħħ b’avviżi legali se tibqa fis-seħħ sakemm tiġi rrevokata mis-Supretendent tas-saħħa Pubblika.

Qal li din il-miżura qed tittieħed bil-għan li tkun imħarsa s-saħħa ta’ dawk kollha li jidħlu l-qorti u biex tiżdied il-protezzjoni mit-tixrid tal-Covid-19 fl-interess tas-sigurtà u s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Sadattant, l-Awtoritá tax-Xandir appellat lill-ġurnalisti u x-xandara biex ikunu kawti fil-mod ta’ kif jirrapurtaw l-iżviluppi marbuta mal-pandemija tal-Coronavirus.  Dan filwaqt li appellat lill-pubbliku sabiex iserraħ fuq sorsi u stqarrijiet uffiċjali sabiex ma jinħoloqx allarm żejjed u bla bżonn.

 

Send this to a friend