Notifiki

Il-MPE tal-Partit Laburista b’appell lill-President tal-Kunsill Ewropew għal azzjoni kkoordinata kontra l-impatt tal-Coronavirus

‘Hemm bżonn ta’ appoġġ u azzjoni kkoordinata fuq livell baġitarju b’risposta għal din il-kriżi,’ qalu Membri tal-Parlament Ewropew lill-President tal-Kunsill Charles Michel.

Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija tal-S&D Miriam Dalli u l-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar, membru tal-kumitat tal-industrija tal-PE, iffirmaw ittra mibgħuta lill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel. Fl-ittra jħeġġu lill-Unjoni Ewropea biex tadotta azzjoni kkoordinata b’urġenza. Dan fid-dawl tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-Coronavirus.

L-ittra, mibgħuta fuq l-inizjattiva tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, kienet iffirmata mill-MEPs tal-PPE, il-Ħodor, il-GUE u r-Renew. L-Ewroparlamentari qalu li l-Ewropa tista’ diġà tinnota l-konsegwenzi ekonomiċi u ta’ saħħa tal-epidemija. Dawn il-konsegwenzi huma enfasizzati minn għexieren ta’ snin ta’ nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura pubblika.

“F’din il-kriżi tas-saħħa hemm ir-responsabbiltà li naġixxu. Kważi m’hemm l-ebda flessibilità għall-politika monetarja fl-Ewropa u, fi kwalunkwe każ, ma nistgħux nistennew li l-Bank Ċentrali Ewropew jaġixxi waħdu. Irridu nintervjenu bl-għodda tagħna stess biex nillimitaw l-effett ta’ din il-kriżi fuq il-popolazzjoni,” qalu l-Ewroparlamentari.

Il-MPE qed jitolbu investiment b’saħħtu fl-infrastrutturi pubbliċi. Żiedu jgħidu li “l-politika fiskali tista’ tgħin lill-banek u s-swieq, iżda wkoll lill-vittmi li għaddejjin minn xokk fuq saħħithom u fuq l-aspett ekonomiku f’ħajjithom.”

“Qed nitolbu lilek u l-istituzzjoni tiegħek biex, fuq livell baġitarju, tappoġġja azzjoni immedjata u kkoordinata b’risposta għal din il-kriżi. Ir-risposta tinsab fir-reviżjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir,” ikkonkludew il-MPE.

Mhux se tingħata bqija fuq tal-linja minħabba l-Coronavirus

Ix-xuffiera ta’ tal-linja mhux se jkunu qed jagħtu bqija lill-passiġġiera li jagħmlu użu minn dan is-servizz. Fi stqarrija, il-Malta Public Transport appellat sabiex dawk li jitilgħu tal-linja u se jixtru biljett, għandhom jippreżentaw il-flus eżatti, sabiex ma jkunx hemm kuntatt bejn il-passiġġiera u x-xufier.

Din il-miżura mhux se tkun qed tolqot lil dawk li jagħmlu użu minn Tallinja Card.

Il-plejer ta’ Juventus Daniele Rugani jirriżulta fil-pożittiv għall-Coronavirus filwaqt Cristiano Ronaldo jinsab fi kwarantina

Il-plejer ta’ Juventus Daniele Rugani li għandu 25 sena rriżulta fil-pożittiv għall-Coronavirus, filwaqt li Cristiano Ronaldo qed jinżamm fi kwaratina f’Madeira fil-Portugall minħabba li Rugani kien rriżulta li għandu l-Coronavirus. Dan wara li rritorna lura f’pajjiżu. Aqra aktar

Membru tal-familja tat-tabib Malti tirriżulta pożittiv għall-Coronavirus

Membru tal-familja tat-tabib Malti li dalgħodu rriżulta pożittiv għall-Coronavirus, ġiet ukoll ikkonfermata li għandha l-COVID-19. Huma kienu flimkien waqt btala fid-Dolomiti, fin-naħa ta’ fuq tal-Italja. Għalhekk, bħal każijiet kollha preċedenti, dan il-każ ta’ Coronavirus huwa impurtat mill-Italja.

Il-mara se tinżamm fit-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei. L-awtoritajiet tas-saħħa huma infurmati li minn mindu waslet lura Malta mill-btala l-mara ma marritx għax-xogħol. Ir-raġel li rriżulta fil-pożittiv filgħodu segwa wkoll kwarantina sakemm ittestja fil-pożittiv. Il-kundizzjoni tagħha hija waħda tajba.

Dan huwa s-seba’ każ ta’ Coronavirus f’pajjiżna u bħall-każijiet l-oħra kollha din il-persuna ġiet infettata fl-Italja u mhux f’Malta. Sa issa għadu ma kien hawn l-ebda trażmissjoni lokali ta’ dan il-virus.

Aktar kmieni matul il-jum f’konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru ħabbar aktar miżuri ta’ prekawzjoni fosthom it-twaqqif tat-titjiriet minn u lejn l-Italja, l-Ġermanja, Franza, l-Isvizzera u Spanja. Tħebbar ukoll li trid issir kwarantina mandatorja minn min ikun ġej minn dawn il-pajjiżi. Spjega li din il-kwarantina se tkun infurzata minn spezzjonijiet frekwenti tal-Pulizija u kull darba li l-persuna ma tinstabx id-dar jew fil-kamra tal-lukanda tagħha se tkun qed teħel multa ta’ €1,000.

Fi stqarrija maħruġa l-Erbgħa filgħaxija mill-Ministeru tas-Saħħa, l-Gvern baqa’ jappella għall-kalma u responsabbilità. Il-Gvern qed jieħu dawk il-miżuri kollha neċessarji biex jissalvagwardja is-saħħa tal-poplu Malti.

Send this to a friend