Notifiki

Michel Barnier jittestja pożittiv għall-Coronavirus

In-negozjatur ewlieni għal Brexit f’isem l-Unjoni Ewropea, Michel Barnier ittestja pożittiv għall-Coronavirus.

Il-polikant Franċiż ta’ 69 sena ħabbar dan permezz ta’ messaġġ fuq Twitter, fejn qal li jinsab fi stat ta’ saħħa tajba u qed isegwi l-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa.

L-imxija tal-Coronavirus waslet ukoll biex tħassar in-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għall-futur tal-kummerċ bejn iż-żewġ partijiet.

Mill-Ġimgħa jingħalqu l-iskejjel fir-Renju Unit

Fir-Renju Unit, mill-Ġimgħa se jingħalqu l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi għal żmien indefinit minħabba l-imxija tal-Coronavirus.

Dan tħabbar mill-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, fejn qal li l-eżamijiet f’Ingilterra u Wales mhux se jsiru; filwaqt li d-deċizzjoni dwar l-eżamijiet fl-Iskożja u l-Irlanda ta’ Fuq se tittieħed aktar tard.

Fir-Renju Unit, l-każi ta’ mwiet minħabba l-Coronavirus laħqu l-104.

“Il-pakkett finanzjarju t’għajnuna huwa pass fid-direzzjoni t-tajba” – Min iħaddem

L-assoċjazzjoni ta’ min iħaddem qalet li l-miżuri mħabbra mill-Gvern bħala għajnuna għan-negozji huma pass fid-direzzjoni t-tajba.

Irrimarkat li l-pakkett fih affarijiet pożittivi bħal l-għajnuniet lil dawk li jaħdmu għal rashom u inċentivi lil dawk il-ġenituri li ma jistgħux jaħdmu mid-dar, bħat-tele-working.

Filwaqt li qalet li ma’ dan il-pakkett għandhom jiżdiedu miżuri oħra, l-assoċjazzjoni ta’ min iħaddem qalet li l-pakkett finanzjarju għandu miżuri li jindirizzaw l-isfidi li għandhom il-kumpaniji kawża tal-impatt ekonomiku li laqat lid-dinja kollha minħabba l-Coronavirus.

Min iħaddem saħaq li l-ammont ta’ 350 ewro ta’ ħlas tal-leave tal-kwarantina huwa titjib minn dak li ntqal qabel iżda baqa’ ma jaqbilx li l-ħlas tal-leave għandu jħallsu min iħaddem.

Fl-Italja f’ġurnata l-imwiet bil-Coronavirus telgħu għal 475

Fl-Italja, f’temp ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, l-imwiet b’kawża tal-Coronavirus telgħu għal 475. Dan ifisser li b’kollox in-numru tal-imwiet telgħa għal kważi 3,000.

B’hekk b’kollox hemm total ta’ aktar minn 35,700 każ ta’ Coronavirus f’dan il-pajjiż, b’4,000 jfiequ minn dan il-virus.

L-Italja kien l-aktar wieħed li ġie affettwat minn dan il-virus wara ċ-Ċina, il-post minn fejn beda dan il-virus.

L-eks plejers ta’ Manchester United joffru l-lukandi tagħhom għall-istaff mediku minħabba l-Coronavirus 

L-eks plejer ta’ Manchester United Gary Neville ħabbar li ż-żewġ lukandi li għandu bi sħab ma’ Ryan Giggs se jkunu offruti lill-istaff mediku li bħalissa qed jiġġieled qattiegħ l-imxija tal-Coronavirus.

Fuq Twitter, Neville ħabbar li mill-Ġimgħa s-sodod kollha fil-lukandi tagħhom se jingħataw lill-istaff mediku. Dan bil-għan sabiex dawk li qed jiġu f’kuntatt kontinwu ma’ persuni infettati mill-Coronavirus ma jkollhomx għalfejn imorru lura lejn djarhom bil-possibilità li jinfettaw lill-qraba tagħhom.

“Illum festa pubblika, ibqa’ d-dar”- il-Pulizija

Kmieni l-Ħamis filgħodu permezz ta’ Facebook appella lill-pubbliku sabiex illum li taħbat festa pubblika ma joħroġx għalxejn u fejn jista’ jibqa’ d-dar. Fakkar li jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu fil-ħidma kontra l-imxija tal-Coronavirus ikun qed jgħin sabiex inaqqas l-influss ta’ pazjenti fis-sistema tas-saħħa.

Filwaqt li rringrazzjaw lill-pubblika għall-koperazzjoni li qed isibu il-Korp tal-Pulizija rringrazzja wkoll lill-eluf ta’ pulizija, impjegati tas-saħħa u ħafna oħrajn li llum jinsabu xogħol sabiex iżommu lill-pubbliku sigur.

Iċ-Ċina m’għandiex iżjed każijiet ta’ Coronavirus minn trażmissjoni lokali

Għall-ewwel darba minn Diċembru, iċ-Ċina ma rrapurtat l-ebda każ ġdid ta’ Coronavirus trażmess lokalment.

Madankollu kienu kkonfermati 34 każ impurtat ta’ persuni infettati bil-Covid-19.

Intant, l-Awstralja hija mistennija tibda twaqqaf persuni li ma joqgħodux fil-pajjiż milli jidħlu.

Dan tħabbar mill-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison li spjega kif din l-ordni ser tidħol fis-seħħ nhar il-Ġimgħa fil-disa’ ta’ filgħaxija, ħin lokali.

Send this to a friend