Ma ninsa qatt l-għajta tal-2008 fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun ftit wara li sar magħruf li Joseph Muscat ġie elett bħala l-Mexxej tal-Partit Laburista. L-2008 kienet is-sena tal-qtiegħ il-qalb u t-tama fl-istess ħin. Konna ġarrabna telfa elettorali oħra u għal żgħażagħ bħali, dak iż-żmien ta’ 18 –il sena, mimlijin entuzjażmu, kienet daqqa psikoloġika kbira. Mhux faċli timxi fil-kurituri tal-Università u jħarsu lejk biċ-ċiera u b’superjorità sempliċiment għax Laburist, sempliċiment għax kont wieħed li qatt ma ddejjaqt jew bżajt nuri l-ideali tiegħi.
