Samuel Lucas – Page 20 – One News

Samuel Lucas

Notifiki

Jiċħdu li t-tfajla ta’ 16-il sena bil-Coronavirus daħlet fl-istabbiliment tagħhom

Stabbiliment tad-divertiment f’Paceville ċaħad li t-tfajla ta’ sittax-il sena infettata bil-coronavirus żaret l-istabbiliment waqt li kienet bi kwarantina.

Dan wara xnigħat li fuq il-midja soċjali li allegaw kif it-tfajla li kienet il-ħames każ tal-coronavirus f’pajjiżna, ma għamlitx kwarantina u żaret l-istabbiliment Shadow, f’Paceville.

Fi stqarrija, is-sidien tal-istabbiliment ikkonfermaw mal-familja li dan mhux minnu u li t-tfajla ma kinitx ġewwa l-istabbiliment.

Qalu li kieku t-tfajla kienet Paceville ma kinitx titħalla tidħol fl-istabbiliment minħabba li hija taħt l-età.

 

BIL-FILMAT: Jitħassru sensiela ta’ attivitajiet tal-massa minħabba l-Coronavirus

Wara li l-Prim Ministru ħabbar sensiela ta’ miżuri ġodda kontra t-tixrid tal-coronavirus, mal-ewwel bdew jitħassru attivitajiet tal-massa li kien maħsub li jiġu organizzati fil-jiem li ġejjin.

Il-pellegrinaġġ nazzjonali tar-Redentur tal-Isla li kellu jsir fl-għoxrin ta’ Marzu ġie pospost għall-wieħed u għoxrin ta’ Ġunju.

L-Ariċpriet tal-Bażilika tal-Isla Dun Robin Camilleri qal li wara konsultazzjoni mal-Arċisqof Charles Scicluna ttieħdet din id-deċiżjoni minħabba li kienu se jinqabżu l-elfejn persuna kif iffissat bil-miżura mħabbra mill-Gvern.

Intant tħassret ukoll il-festa ta’ San Ġużepp tar-Rabat li kellha tiġi ċċelebrata bil-kbir din is-sena minħabba l-mija u ħamsin anniversarju mindu San Ġużepp kien ipproklamat patrun tal-knisja universali.

L-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp flimkien mal-Patrijiet Franġiskani, l-Għaqda Mużikali L-Isle Adam u l-Għaqda tan-Nar dsatax ta’ Marzu qabblu li jikkanċellaw il-festi esterni.

Fuq pariri tal-awtoritajiet tħassru wkoll il-festi li kellhom jsiru fil-beraħ f’ġieħ San Patrizju f’San Ġiljan u anki fil-Floriana.

Il-Kunsill Lokali Furjaniż qal li fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti ħassar l-attività fil-beraħ il-Ħadd sabiex tiġi minimizzata kull possibiltà ta’ riskju.

Intant bosta attivitajiet oħra ġew posposti fosthom il-Qormi Music Festival li kellu jittella’ f’Mejju li ġej.

Il-Caritas ukoll ħassret konferenza nazzjonali dwar l-epilessija li kellha ssir is-Sibt li ġej f’lukanda ewlenija f’Buġibba.

Send this to a friend