Pearl Agius

Ma jingħatax ħelsien mill-arrest wara li ħebb għall-pulizija

Matul il-lejl bejn it-8 u d-9 ta’ Diċembru, waqt ronda fi Triq San Ġorġ f’San Ġiljan, il-pulizija lemħu tlett irġiel barranin li allegatament kienu qegħdin jargumentaw bejniethom. Il-pulizija avviċinawhom u wieħed mill-irġiel beda juri sinjali ta’ agressjoni u ħebb u darab lill-pulizija.

F’post fuq is-sit soċjali ta’ Facebook, l-ispettur Sandro Camilleri, qal li l-pulizija ppruvaw jikkontrollaw l-individwu iżda dan baqa’ agressiv saħansitra wara li ġie arrestat u hedded lill-pulizja. Camilleri kompla billi qal li l-individwu prova jweġġa’ lilu nnifsu tant li kellu jittieħed il-poliklinika sabiex jeżaminah tabib. Ir-raġel qal lit-tabib tal-poliklinika li ġie attakkat mill-pulizija u li tajrulu sinna iżda t-tabib eskluda dan hekk kif ma kienx jidher li kellu xi ġrieħi f’ħalqu.

Ir-raġel ġie arrestat u tressaq il-Qorti fid-9 ta’ Diċembru quddiem il-Maġistrat Grazio Mercieca. Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ma ngħatax il-libertà proviżorja.

Fir-ritratt jistgħu jidhru l-ġrieħi li sofrew il-pulizija waqt li ppruvaw jikkontrollaw ir-raġel aggressiv.

“Se nkunu wkoll il-moviment tal-ordni pubblika” – JM

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, tkellem f’Santa Luċija dwar kif il-moviment li nbena madwar il-Partit Laburista jrid ikun ukoll il-moviment tal-ordni pubblika. Dan filwaqt li jibqa’ l-moviment li joħloq ix-xogħol, jikseb it-tkabbir ekonomiku, il-ġustizzja soċjali u li jippromwovi l-libertajiet ċivili.

“Kemm jien kburi b’dan il-pajjiż. Kemm jien kburi b’pajjiżna. Kemm jien kburi b’niesna, il-Maltin u l-Għawdxin, li ta’ kuljum jaħdmu jwettqu u jġibu r-riżultati,” qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru qal li l-Maltin jagħtu tweġiba lil dawk li jaħsbu jistgħu jaqsmu l-Malta bejn it-tajbin u l-ħżiena.

“Dawn il-persuni u l-istituzzjonijiet jagħtu tweġiba li juru t-tip ta’ pajjiż li kbirna fih u kemm se nkomplu niżviluppaw,” qal Joseph Muscat li għamel referenza lejn dak li ġara nhar it-Tnejn li għadda.

Qal li f’mumenti bħal dawn min għandu rwol istituzzjonali għandu joqgħod pass lura. Spjega li għalkemm hemm ħafna x’jingħad u anke xi jkun ikkoreġut, hu jagħżel li jkun kawt.

“Nixtieq f’ismi u f’isem il-Maltin u Għawdxin kollha ta’ rieda tajba nirringrazzja bil-kbir il-forzi tal-ordni tagħna,” qal Joseph Muscat li fisser kif wara li kienu taħt kritika qawwija u inġusta taw risposta b’saħħitha.

Fakkar kif sa ftit ġimgħat ilu kulħadd kien jgħid li diffiċli każ bħal dan jiġi solvut għax qatt ma ġie solvut b’xejn ta’ dan il-kalibru.

“Jien kburi li b’għajnuna internazzjonali, imma bis-saħħa tal-istituzzjonijiet Maltin, forsi għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna waslu għal dan ir-riżultat f’każ tant kbir,” qal il-Prim Ministru.

L-Ordni Pubblika

Semma wkoll iż-żieda fil-baġit tal-forzi tal-ordni. Filwaqt li fl-aħħar ħames snin kien hemm żieda ta’ 22%, fil-ħames snin  ta’ qabel kien hemm żieda ta’ 10% fil-mija.

Kien hawn li tkellem dwar il-passi li qed ikompli jieħu l-gvern.

“Urejna li s-sitwazzjoni f’ċerti inħawi tal-pajjiż mhix aċċettabbli,” qal Joseph Muscat.

Spjega kif in-nies jistennew li kulħadd jimxi mar-regoli, li fit-toroq tagħna, fil-postijiet ta’ divertiment u fil-postijiet pubbliċi nirrispettaw ‘il xulxin. U fisser kif passi li se jittieħdu fil-Marsa se jsiru f’postijiet oħra.

“Meta tiddeverti u meta tiehu pjaċir trid tirrispetta lin-nies ta’ madwarek. Dan hu sinjal għal kulħadd f’kull lokalità biex inrawmu din l-idea ta’ rispett,” qal Joseph Muscat.

Kien hawn li spjega li l-viżjoni tiegħu li l-moviment madwar il-Partit Laburista jsir ukoll il-moviment tal-ordni pubblika.

“Din l-idea li tista’ tagħmel li trid irridu nneħħuha. Filwaqt li nibqgħu għaddejjin bit-tkabbir tal-ekonomija, ix-xogħol u nqasmu iktar ġid, trid tidħol l-idea li f’dan il-pajjiż hemm regoli u kulħadd irid jimxi magħhom,” qal Muscat

Suċċess ekonomiku

Filwaqt li tkellem fuq is-suċċessi tal-gvern f’ġimgħa fejn kien irreġistrat tkabbir ekonomiku ta’ 7.2% il-Prim Ministru fisser kif il-ġid li qed jinħoloq qed jitqassam.

“Il-ġid joħloq il-ġid. Meta naqqasna l-kontijiet, in-nies il-flus nefquhom f’affarijiet oħra,” qal Joseph Muscat li fakkar ukoll kif illum kull pensjonant ħa żieda fil-pensjoni.

“Kull sena se nkomplu nżidu l-pensjonijiet,” qal Joseph Muscat li tkellem dwar investimenti f’oqsma oħra.

Tkellem dwar l-aħbar li l-kumpanija Crane  inxtrat minn kumpanija ikbar. Fisser kif tkellem mat-tmexxija tal-kumpanija li spjegawlu kif waħda mill-affarijiet li ġibdu l-attenzjoni biex din il-kumpanija tixtri l-Crance Currency u minn kumpanija kbira ssir kumpanija ikbar hi l-proġett li qed jgħamlu Malta. U dan il-proġett huwa sinsla għat-tkabbir għaż-żmien li ġej,”qal Muscat.

Bidla li tkompli

Fl-istess ħin il-bidla mhix se tieqaf. “Se nkunu t-tieni pajjiż fl-EU li naqqsu l-età tal-vot għal sittax –il sena,” qal Joseph Muscat li fisser kif storikament kien il-Partit Laburista li dejjem żied id-dritt tal-vot.

Qal li l-pass li jmiss se jittieħed “mingħajr biża’ b’fiduċja sħiħa fiż-żgħażagħ tagħna.”

Nisa Laburisti b’għadd ta’ proposti konkreti

Nisa Laburista temmen li għandu jkollna qorti ffokata fuq każi relatati mal-Vjolenza Domestika. Din il-proposta hija waħda minn sensiela li l-organizazzjoni għamlet tul is-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika. Din hija proposta maħsuba biex il-vittma tmur quddiem esperti li jgħarfu u jifhmu l-każ filwaqt li l-agressur jingħata l-għajnuna biex jirriforma.

Aqra aktar

Possibilità li Ed Sheeran ikanta fit-tieġ irjali

Ed Sheeran ma jinnegax il-possibilita’ li jkanta fit-tieġ irjali tal-Prinċep Harry u Meghan Markle.

Matul din il-ġimgħa, Ed Sheeran ġie onorat mill-Prinċep Charles bħala membru tal-Ordni Eċċellenti tal-Imperu Brittaniku b’ringrazzjament għas-servizz tiegħu fl-industrija tal-mużika u l-karità.

Wara l-attività, ġie mistoqsi mill-midja jekk jikkunsidrax li jkanta fit-tieġ tal-Prinċep Harry, f’Mejju li ġej u bi tbissima, ma nnegax din l-istqarrija.

Din l-aħbar qajmet kurżitajiet kbar fid-dinja tad-divertiment u ħafna ammiraturi ta’ Ed Sheeran qegħdin fuq ix-xwiek biex tiġi kkonfermata din l-aħbar.

Ċelebrita oħra tilbes ħwejjeġ ta’ disinjaturi Maltin

Iċ-ċelebrita ta’ fama mondjali Nathalie Emmanuel, li tieħu sehem fis-serje popolari ‘Game of Thrones‘, titfa’ ritratt tagħha fuq is-sit soċjali ta’ Instagram liebsa libsa tad-disinjaturi Maltin Charles & Ron.

Din m’hijiex l-ewwel darba li smajna b’ċelebrita li libsu ħwejjeġ ta’ din il-koppja. Fost iċ-ċelebritajiet hemm il-kantanta famuża Jessie J, l-artista Diamond White, l-attriċi Jackie Cruz apparti ħafna oħrajn.

Aqra aktar

Send this to a friend