Meta aħna l-konsumaturi nirritornaw xi oġġetti lura għand il-bejjiegħ, mhux dejjem inkunu nafu kif tipproteġina l-liġi fiċ-ċirkustanza li nkunu fiha u għaldaqstant ma nkunux nafu jekk għandniex dritt ninsistu li ningħataw flusna lura jew naċċettaw in-nota ta’ kreditu offruta mill-bejjiegħ.
It-tip ta’ rimedju li għandna ningħataw meta prodott jiġi ritornat għand il-bejjiegħ jiddependi jekk il-prodott qed jiġi ritornat għaliex huwa difettuż jew għaliex ma nixtiequx inżommu l-oġġett mixtri.
Meta nibdlu l-ħsieb dwar il-prodotti mixtrija, il-bejjiegħa m’għandhomx obbligu legali li jagħtuna rifużjoni tal-flus li nfaqna. Fortunatament għalina l-konsumaturi l-maġġor parti tal-bejjiegħa jaddottaw policies ta’ ritorn li jippermettu lill-konsumaturi jirritornaw oġġetti mixtrija u jekk iridu jibdluhom ma’ prodotti oħra. Ċertu bejjiegħa joffru wkoll noti ta’ kreditu f’sitwazzjonijiet fejn il-konsumaturi ma jsibux prodott ieħor ma x’hiex jibdlu l-oġġett li ma jridux. Sabiex jibbenefikaw minn dawn il-policies ta’ ritorn il-konsumaturi jiġu mitluba li jimxu ma’ numru ta’ kundizzjonijiet bħal per eżempju li jirritornaw il-prodott li ma jridux sa’ data partikolari, li ma jużawx l-oġġett u li ma jaqtgħux tikketti jew li ma jarmux il-packaging oriġinali.Aqra aktar