Leanne Abela Grech

Jimitaw l-umani u jippużaw għal stessu

Żewġ gorilli ppużaw għal stessu flimkien mal-gwardjani li kienu salvawhom meta kellhom ftit xhur wara li ommijiethom inqatlet minn kaċċaturi lura fl-2007.

Ir-ritratt ittieħed fil-Park Nazzjonali ta’ Virgunaa fil-Kongo. Id-Deputat Diretur tal-Park, Innocent Mburanumwe, qal li l-gurilli tgħallmu jimitaw lil dawk li jieħdu ħsiebhom sa minn mindu kienu ta’ ftit xhur.Aqra aktar

Jinġabru 128 tunnellata ta’ skart f’Birżebbuġa

Fl-aħħar erbat ijiem, għaxar ħaddiema mid-Diviżjoni għat-Tindif ġabru mal-mija u tmienja u għoxrin tunnellata ta’ skart tal-kostruzzjoni u skart ieħor li ħammġu u kerrhu ż-żona tal-Girgħien f’Tal-Papa f’Birżebbuġa.

Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, Ramon Deguara, qal li fl-ewwel tliet xhur tas-ena, il-ħaddiema tad-Diviżjoni ġabru ’l fuq minn erbat elef u ħames mitt tunnellata ta’ skart illegali waqt li s-sena li għaddiet inħarġu ’l fuq minn elf u mitejn ċitazzjoni fil-konfront ta’ persuni li nqabdu jarmu barra.

“F’dawn l-aħħar tliet xhur inħarġu madwar ħames mitt ċitazzjoni għal min abbuża kemm minn sempliċiment borża tal-iskart illi tinħareġ fil-ġurnata l-ħażina, kif ukoll għar-rimi llegali tal-iskart”

Waqt li kienu għaddejjin l-aħħar xogħlijiet ta’ tindif f’Birżebbuġa, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Deo Debattista, semma kif dan l-aġir irresponsabbli jrid jispiċċa.

“Isiru aktar aware u jkunu aktar aware ukoll minn numri li għandna available, mill-app online. 1718 biex jiġbrulek l-iskart jekk għandek skart żejjed jew ma tafx x’se tagħmel bih u fl-istess ħin hemm app biex ikoll tirraporta. Ħalli kemm jista’ jkun inkunu kollha qed niġbdu ħabel wieħed ħalli jkollna Malta dejjem isbaħ.”

Il-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li s-sena l-oħra biss id-Diviżjoni neħħiet aktar minn 16-il elf tunnellata ta’ skart mormi illegalment. Qal li din id-diviżjoni tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li pajjiżna jinżamm nadif u miżmum sew.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Silvio Parnis, li l-Uffiċjali tal-Komunità qed ikunu aktar qrib il-bżonnijiet tal-komunità. Qal li l-investiment li qed isir fl-operat tal-LESA, li qed taħdem id f’id mad-diviżjoni għall-Indafa, se jwassal għal servizz aħjar liċ-ċittadin.

Il-ħaruf jibqa’ l-aktar platt favorit għall-ikla tal-Għid mal-Maltin

Il-ħaruf, l-ikel tradizzjonali għall-żmien l-għid. Tradizzjoni li ġġib is-snin u minkejja li ż-żminijiet inbidlu, il-ħaruf jibqa’ fost l-aktar platt favorit għall-Ikla tal-Għid mal-Maltin.

Żorna ħanut tal-laħam tradizzjonali Malti f’Birżebbuġa u tkellimna ma’ Anthony Camilleri, biċċier magħruf bħala Ninu s-Sjettu, u li huwa t-tielet ġenerazzjoni ta’ biċċiera fil-familja tieghu.

Huwa spjegalna għalfejn lura fiż-żmien, il-Maltin kienu jagħżlu l-ħaruf għall-Għid. Ninu qalilna li l-ħaruf Malti kien ikun disponibbli fix-xhur ta’ April u Ottubru biss. U għalhekk, il-familji Maltin kien ikollhom il-ħaruf Malti frisk lest għall-ikla tal-Għid.Aqra aktar

FILMAT: L-Irxoxt ta’ Ħal Luqa jingħata l-kulur

Ingħatat il-kulur l-iskultura fl-injam tal-kewba, xbiha ta’ Ġesù Kristu irxuxtat, b’detallji li tassew jiġbdu l-għajnejn, magħmulha b’tant reqqa mill-iskulturi Għawdxin Michael u Adonai Camilleri Cauchi.

ONE News mar il-garaxx tal-benefattur, Emanuel Ciappara, li fih kien qed isiru l-aħħar irtokki fuq l-istatwa. Hemmhekk stajna naraw ix-xogħol tal-artisti li minn tnaqqix fl-injam, li kien l-aktar proċess diffiċli, iffurmat statwa li tpaxxi l-għajnejn.Aqra aktar

250 infermiera ġodda fis-settur tas-saħħa

Waqt laqgħa li kellu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa mal-Kunsill elett ġdid tal-union tal-infermiera u l-qwiebel, l-MUMN, semma kif bħalissa f’Malta hawn mat-3571 infermiera attivi, iżda xorta għad jinħass il-ħtieġa ta’ aktar infermiera. Filfatt, matul din is-sena se jiġu rikruti 250 infermiera oħra, filwaqt li sostna l-bżonn ta’ aktar studenti biex jitħarrġu fil-karriera ta’ infermiera. Il-gvern għandu pjan li matul it-tliet snin li ġejjin se jkun hemm aktar rekruti biex jakkomodaw is-servizzi ġodda li qed jagħti l-gvern biex Malta tkompli toffri servizz tas-saħħa eċċellenti.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru semma wkoll kif se tingħata spinta s-saħħa mentali li kien hemm nuqqas ta’ interess matul is-snin, iżda, l-Gvern se jkun qed jagħmel xogħlijiet fl-isptar Monte Carmeli b’fondi allokati jammontaw għal sitt miljun u nofs ewro. Fis-sena 2018 kif ukoll matul din is-sena, l-Gvern qed ukoll jiffoka u jagħti aktar importanza lill-infermiera bi speċjalizzazzjoni fis-saħħa mentali.

Il-President tal-MUMN, Paul Pace, qal li l-gvern u l-union irridu jaħdmu id f’id biex jaħdmu għal ġid tas-saħħa kif ukoll il-pazjenti. Semma wkoll il-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet aħjar għall-infermiera, li dwarha l-gvern diġà qed jaħdem fuqha.

Pace irrimarka l-istigma li jingħataw pazjenti tas-saħħa mentali, u dan ma għandux ikun għaliex xi darba jew oħra kulħadd jgħaddi minn mumenti ta’ tensjoni. L-istigma tista’ tibda titnaqqas ukoll permezz ta’ binja aħjar biex tilqa’ fiha pazjenti li għandhpm bżonn il-kura mentali kif ukoll għall-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur.

Miexi b’rittmu tajjeb ix-xogħol fuq 17 -il triq f’San Pawl il-Baħar

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg, innota l-progress fix-xogħlijiet li qegħdin isiru f’għadd ġmielu ta’ toroq f’San Pawl il-Baħar. Dan wara li l-Kunsill Lokali bi tmexxija Nazzjonalista qatt ma ta kas il-karba tar-residenti u negozjanti tal-lokalità li jirrappreżentaw.

Il-lokal ta’ San Pawl il-Baħar, wieħed mill-aktar lokalitajiet imfittxija fix-xhur tas-sajf, kien se jerġa’ jidħol fl-istaġun tant popolari tas-sajf b’toroq fi stat tal-biki. Dan minħabba l-ġlied u d-diżgwid kbir bejn il-kunsillieri Nazzjonalisti.

Il-Ministru Borg qal li l-Gven intalab jintervjeni biex isiru t-toroq.

“Il-Gvern intalab jintervjeni mill-Kunsill Lokali, għax il-Kunsill Lokali mhux qed jiffunzjona hawnhekk. Kunsill Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista illi tilef l-istess direzzjoni, l-istess tmexxija u dħalna nintervjenu”

Il-Ministru Borg fakkar li l-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fil-lokalitajiet kollha, bil-proġett ta’ seba’ mitt Miljun f’seba’ snin…. proġett li l-oppożizzjoni kienet ivvutat kontrih.

“Huwa ħafna aktar faċli tagħmel press conference milli tagħmel ix-xogħlijiet. Aħna qed nagħmluhom it-tnejn”

Dr Borg semma r-rapport tal-Ekonomista Gordon Cordina, li kkonkluda li għal kull ewro li jintefaq fl-infrastruttura, il-pajjiż jibbenfika minn seba’ ewro flimkien ma’ bosta benefiċċji oħra fosthom dawk ambjentali.

Il-GU Clinic qed jaħdem fuq test li jurik ir-riżultat wara nofs siegħa

Madwar 7,000 sebat elef persuna żżur il-Klinika tal-Ġinekoloġija fis-sena. It-tabiba Valeska Padovese, f’intervista mal-Gazzetta KullĦadd, qalet li hawn żieda ta’ ċirkolazzjoni ta’ mard infettiv f’Malta, u kompliet tispjega li l-moviment tan-nies minn pajjiżi differenti seta’ wassal għal din iż-żieda.

It-tabiba Padovese qalet li bħalissa l-klinika għaddejja b’riċerka flimkien mal-Organizazzjoni Dinjija għas-Saħħa biex jiġi żviluppat test effettiv li permezz tiegħu, jingħata riżultat fi 30 minuta.

Dan it-test iwassal biex il-kura tibda tingħata fl-immedjat f’każ ta’ riżultat pożittiv. Fil-preżent, f’każ li t-test jirriżulta pożittiv, il-persuna tintalab tmur il-klinika fejn isir it-tieni test biex tiġi kkonfermata l-aħbar. Il-persuna tkun riferuta għand speċjalisti tal-psikoloġija u tibda t-trattament minn hemm.Aqra aktar

511 jinqabdu jsuqu fis-sakra f’erba’ snin

Ftit aktar minn ħames mitt sewwieq li għamlu t-test tan-nifs, instab li kienu qegħdin isuqu taħt l-effett tal-alkoħol fuq perjodu ta’ erba’ snin.

Dan joħroġ minn preżentazzjoni li saret mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera waqt konferenza li ttratat is-sewqan taħt l-effett tax-xorb mill-Assoċjazzjoni tal-Assigurazzjoi f’Malta.

Miċ-ċifri ppreżentaturi joħroġ li fl-2016 saru l-akbar ammont ta’ testijiet tan-nifs b’mitejn wieħed u erbgħin test li 188 minnhom irriżultaw fil-pożittiv.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li l-pulizija tat-traffiku jeħtieġu aktar taħriġ biex ikunu jistgħu jwaqqfu aktar sewwieqa li jkunu taħt l-effett tax-xorb u jagħmlulhom it-test tan-nifs.

Qalet li jidher li hemm idea żbaljata dwar l-interpretazzjoni tat-terminu fil-liġi ‘suspett raġonevoli’.

Skont il-liġi, il-pulizija jistgħu jagħmlu biss it-test tan-nifs jekk ikollhom suspett raġonevoli li s-sewwieq qiegħed isuq fis-sakra.

L-Imħallef qalet li għalhekk il-bżonn li dan it-terminu jingħata interpretazzjoni aktar wiesgħa. Qalet li ta’ kuljum isiru eluf ta’ inċidenti u għalhekk il-bżonn li jsiru aktar testijiet tan-nifs.

Id-Direttur Maniġerjali tal-Assoċjazzjoni Adrian Galea tkellem dwar il-politika li nieda l-Gvern s-sena li għaddiet dwar l-alkoħol li ħarxet il-pieni  għal min jinqabad isuq xurban tant li permezz tal-bidliet persuna ma tistax tixrob aktar minn żewġ tazzi birra jew nbid jekk tkun se ssuq.

“Allura jrid ikolna sistema ta’ liġijiet hawn Malta illi joħolqu d-deterrent kollu neċċesarju biex fl-aħħar mill-aħħar persuna li qiegħda ssuq tassigura ruħha li qiegħda ssuq b’mod sigur u hemm is-sigurtà kollha neċessarja fit-triq”

Huwa tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ testijiet tan-nifs għall-għarrieda.

“Policy li titkellem dwar l-introduzzjoni ta’ dak li jgħidulhom random breathalayser test, jiġifieri jekk il-pulizija tinnota li inti qed issuq b’kontravenzjoni tal-liġi jkollha d-dritt li tagħmillek ukoll test biex tara jekk intix qed issuq taħt l-effett tal-alkoħol”

Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, saħaq dwar l-importanza ta’ deterrenti b’saħħithom fosthom is-sistema ta’ punti penali li wasslet biex kważi mija u disgħin sewwieq tilfu l-liċenzja tagħhom is-sena l-oħra.

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, qal li l-politika li ħareġ il-Gvern għandha tolleranza żero għal adoloxxenti ta’ sbatax-il sena jew iżgħar, u tipprovdi tlieta u għoxrin azzjoni fejn jidħol sewqan taħt l-effett tal-alkoħol.

 

 

 

Send this to a friend