Eman Portelli – Page 76 – One News

Eman Portelli

Notifiki

Malta Public Transport ħabbret żieda frekwenti għall-rotot popolari

Sabiex tagħti servizz aktar effiċjenti lill-klijenti, Malta Public Transport ħabbret li b’effett minn nhar il-Ħadd 8 ta’ Lulju 2018 ser ikun hemm żieda fil-frekwenza tas-servizz għall-rotot popolari.

  • Ser ikun hemm servizz kull 20 minuta flok kull 30 minuta kuljum bejn id-9:00 u l-12:00 u bejn l-16:30 u s-19:30 fuq ir-Rotot 41 u 42 bejn il-Belt Valletta u ċ-Ċirkewwa.
  • Ser ikun hemm servizz kull 15 minuta flok kull 20 minuta kuljum bejn id-9:00 u t-20:00 fuq ir-Rotta 212 (minn Tas-Sliema għal Buġibba) u fuq ir-Rotta 221 (minn Buġibba għaċ-Ċirkewwa), u bejn id-9:00 u l-12:00 u bejn l-16:00 u t-20:00 kuljum fuq ir-Rotta 222 (minn Tas-Sliema għaċ-Ċirkewwa).
  • Fuq ir-Rotta 53, bejn il-Belt Valletta u r-Rabat tal-Virtu, ser ikun hemm servizz kull 30 minuta flok kull siegħa kuljum bejn id-9:00 u t-20:00.
  • Fuq ir-Rotta 31, bejn il-Belt Valletta u Buġibba, ser jizied is-servizz bejn is-19:00 u t-20:30 mit-Tnejn sas-Sibt u matul il-ġurnata kollha nhar ta’ Ħadd.
  • Fuq ir-Rotta 48, bejn il-Belt Valletta u Buġibba, ser jiżdied vjaġġ ieħor nhar ta’ Ħadd filgħodu, li jitlaq fil-5:20 mill-Belt Valletta u fil- 5:10 minn Buġibba. 

Għall-aktar informazzjoni u għal skeda kompluta, il-klijenti jistgħu iżuru l-Journey Planner fuq is-sit publictransport.com.mt u fuq it-Tallinja App li tista’ titniżżel b’xejn minn Apple AppStore u Google PlayStore.

‘New Water’ se jagħti nifs ġdid lis-settur agrikolu Għawdxi

Permezz tat-tieni impjant tan-New Water tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, is-settur agrikolu Għawdxi se jingħata nifs ġdid bi proġett li jipproduċi ilma ta’ kwalità għolja ħafna biex fost l-oħrajn jintuża fl-agrikoltura u fl-industrija. Il-proġett ġie inawgurat mill-Ministri Joe Mizzi u Justyne Caruana u mis-Segretarji Parlamentari Aaron Farrugia u Clint Camilleri.

Il-Ministru Joe Mizzi ddeskriva dan il-pass bħala sinifikanti għas-sostenibbiltà tal-gżira Għawdxija, li seħħ wara ħidma li bdiet snin ilu biex il-Korporazzjoni rnexxielha tistabbilizza l-kwalità u l-profil tad-drenaġġ li jidħol fl-impjant ta’ Ras il-Ħobż.

Dan ifisser li d-drenaġġ trattat li kien jintrema l-baħar issa jiġi trattat permezz ta’ tliet stadji: ultra-filtrationreverse osmosis u advanced UV-oxidationbiex jinbidel f’ilma ta’ kwalità għolja biżżejjed wara li jgħaddi minn testijiet rigorużi ħafna li jagħtu s-sigurtà neċessarja lil kull min jużah.

Il-bdiewa tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta diġà qed igawdu minn dan l-ilma permezz tal-ewwel proġett li sar fil-Mellieħa u li qed jiġi mqassam minn erba’ punti fit-Tramuntana ta’ Malta.

Il-Ministru Joe Mizzi ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jitħabbru investimenti importanti u speċifiċi dwar in-network li jqassam dan l-ilma. Barra minn hekk għal dawn l-aħħar xhur kien għaddej xogħol intensiv fit-tielet impjant ta’ Barkat fix-Xgħajra li jinsab fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta biex minn hemm ukoll fil-ġimgħat li ġejjin jibda jitqassam dan l-ilma.

Il-Ministru Mizzi fakkar li apparti dan il-proġett il-Korporazzjoni diġà bdiet twettaq l-istudji neċessarji biex jinbena l-impjant ġdid ta’ desalinizzazzjoni f’Ħondoq ir-Rummien b’kapaċità li jipproduċi madwar 9,000 metru kubu ta’ ilma kuljum bl-iskop li tiġi eliminata d-dipendenza fuq l-impjant tar-reverse osmosis fiċ-Ċirkewwa u fuq il-pipeline taħt il-baħar li jgħaqqad iż-żewġ gżejjer.

Il-Ministru Justyne Caruana faħħret din l-inizjattiva mnedija mill-Water Services Corporation f’Għawdex u qalet li wara ħafna snin ta’ stennija issa l-bdiewa Għawdxin se jkollhom ilma b’xejn. Qalet li s-settur tal-biedja għandu potenzjal kbir f’Għawdex ukoll fil-kuntest tal-viżjoni EkoGħawdex imma wkoll kwantu għall-aspett ta’ ruralità – pilastru ewlieni tal-istrateġija tal-iżvilupp reġjonali għal Għawdex. Fil-fatt, matul l-aħħar sena, 1,250 bidwi Għawdxi irrikorrew għal xi tip ta’ għajnuna jew ta’ assistenza mill-Ministeru għal Għawdex. Dan juri li l-bdiewa Għawdxin huma għatxana biex itejbu l-operat tagħhom u jinvestu fil-prodott lokali. Il-Ministeru għal Għawdex hu kommess li jkompli jassisti lill-bdiewa Għawdxin permezz ta’ skemi u ta’ għajnuniet diversi. Il-Ministru Caruana semmiet li waħda mill-għajnuniet riċenti li nieda l-Ministeru għal Għawdex kienet skema biex tassisti lill-bdiewa sabiex jirrestawraw bjar u ġwiebi eżistenti għall-ħażna tal-ilma. Il-Ministru faħħret il-kollaborazzjoni u l-ħidma li qed issir mal-WSC u mal-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li s-sigurtà tal-provvista tal-ilma kurrenti u l-immaniġġjar tal-waste water huma sfidi kbar għal Malta. Matul il-Programm 2007-2013 kien hemm investiment sostanzjali ta’ €110 miljun li indirizza dawn l-isfidi u għaldaqstant rajna titjib fiż-żewġ sfidi rispettivi. Taħt il-Programm 2014-2020 is-settur tal-ilma reġa’ ngħata prijorità b’investiment allokat ta’ €92 miljun mill-Fond ta’ Koeżjoni. Dan ifisser li Malta se tkun kisbet u investiet fil-qasam tal-ilma total ta’ iżjed minn €200 miljun.

Dan hu investiment tanġibbli fil-ħajja tal-ġenerazzjoni tal-lum u ta’ għada. Aaron Farrugia spjega li taħt il-Programm 2007-2013 kellna proġett maġġuri b’investimenti kbar f’fondi ewropej fosthom: trattament tal-wastewater permezz tal-kostruzzjoni ta’ żewġ polishing plants f’Taċ-Ċumnija fil-limiti tal-Mellieħa, Ras il-Ħobż f’Għajnsielem b’valur ta’ €13.7 miljun ewro u ġiet indirizzata l-kwalità tal-ilma tax-xorb permezz tal-proġett Carbon Footprint Reduction – apparti proġett ieħor implimentat f’Malta u f’Għawdex tal-installazzjoni ta’ pompi effiċjenti, RO membranes u tagħmir tal-laboratorji għat-testing tal-kimiċi li jirriżulta fi kwalità ta’ ilma aħjar għal 50,000 konsumatur.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li jinsab sodisfatt li qegħdin fil-gżira Għawdxija biex nawguraw il-faċilità l-ġdida tan-New Water fejn kif kien imwiegħed, l-ilma trattat li kien qed jintefa’ fil-baħar beda jkun polished u użat għall-agrikoltura u għall-industrija. Clint Camilleri qal li dan l-ilma hu ta’ kwalità għolja biżżejjed biex jintuża b’mod sigur għal: irrigazzjoni, landscaping u ċerti tipi ta’ industrija. Spjega li l-għan prinċipali ta’ dawn l-impjanti tal-ilma ġdid (New Water) hu li tkun offruta alternattiva għall-ilma tal-pjan u nittamaw li fis-snin li ġejjin il-kwalità tal-ilma tal-pjan titjieb. Is-Segretarju Parlamentari Camilleri rringrazzja lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u lill-Ministru Joe Mizzi għal dan ix-xogħol biex anke l-bdiewa Għawdxin u mhux biss dawk Maltin ikollhom aċċess għan-New Water.

Tmut it-tifla li għerqet f’Għawdex

It-tifla ta’ sentejn li għerqet f’pixxina fit-28 ta’ Ġunju tilfet ħajjitha l-isptar it-Tlieta li għadda.

Il-każ kien seħħ il-Ħamis 28 ta’ Ġunju għall-ħabta tal-10 ta’ filgħodu meta t-tifla mwielda Għawdex waqgħet fil-pixxina. It-tifla kienet trasferita mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-Isptar Mater Dei.

Sfortunament, it-tifla ta’ sentejn tilfet ħajjitha it-Tlieta li għadda fl-isptar Mater Dei.

Approvat restawr fuq torri li jaħżen l-ilma

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar approvat li ssir restwarazzjoni fuq torri tal-ilma li jaħżen l-ilma, li jinsab fil-Biċċerija tal-Marsa. Din l-istruttura nbniet fis-snin tletin u hija kkunsidrata bħala monument importanti industrijali f’pajjiżna.

Ir-restawrazzjoni ta’ din l-istruttura se jkun qed issir mill-Ministeru tal-Ambjent b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, fejn mhux se jkunu qegħdin jagħmlu biss restwar iżda se jkunu qegħdin jistudjaw dawr din l-istruttura importanti. Barra minn hekk se jkunu nstallati diversi sensors li jaraw is-saħħa ta’ din l-istruttura unika matul iż-żmien.

Dan il-proġett se jkun l-ewwel wieħed tax-xelta tiegħu, waqt li se jkollu parti ffinanzjata mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Insolvency Fund – għal aktar sigurta’ meta wieħed jibbukkja btala

L-istaġun turistiku din is-sena ra attivita’ aktar mis-soltu fil-qasam tat-turiżmu. Fost l-oħrajn l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu introduċiet l-Insolvency Fund, li huwa forma ta’ assigurazzjoni għal kull minn jixtri pakkett turistiku mingħand aġent irreġistrat taħt il-fond, liema aġent isofri falliment finanzjarju. Din it-tip t’assigurazzjoni tipprovdi biex min ma jkunx gawda mill-vaganza li xtara taħt forma ta’ pakkett, jingħata flusu lura. Jekk il-persuna ikkonċernata tinqbad barra min Malta, tinġieb lura lejn pajjiżna.Aqra aktar

Żewġ pari ta’ Spanjuletti jbejtu fil-Gżejjer Maltin

Żewġ pari ta’ Spanjuletti bejtu f’pajjiżna; wieħed fil-Punent ta’ Malta u l-ieħor mal-kosta tal-Punent ta’ Għawdex.

L-ewwel par ġie osservat fl-24 ta’ Mejju fil-Punent ta’ Malta u bejjet ħamest ifrieħ l-għada. Is-sit fejn instabu dawn l-Ispanjuletti kienu ssorveljati minn voluntiera ta’ BirdLife Malta. Il-frieħ ħallew il-bejta sal-25 ta’ Ġunju, xahar u ġurnata wara li kienu ġew osservati għall-ewwel darba f’pajjiżna.

It-tieni par ġie osservat f’Għawdex mal-kosta tal-Punent, fid-19 ta’ Ġunju. F’dan il-każ,meta nstabu l-erba’ ifrieħ kienu kibru sew. Meta nstabu l-frieħ kienu qed illestu biex itiru f’qasir żmien.

Matul dan il-perjodu ż-żewġ pari ta’ ġenituri ġew innutati mill-voluntiera li bdew ġejjien u sejrin sabiex iġibu l-ikel u jitimgħu lil frieħ tagħhom. L-ikel kien jinkludi għasafar (l-aktar għasafar tal-bejt), firien, xaħmet l-art, wiżgħa u Ġurat tar-Raba’.

Dan l-avveniment hija ħaġa rari, hekk kif l-Ispanjulett huwa rari li jbejjet f’Malta, iżda f’dawn l-aħħar snin din l-ispeċi qed tiżdied bil-mod il-mod.

Il-Ministeru għal Għawdex assigura li ma kien hemm ebda impatt ambjentali fiż-żona tal-Marsaforn

Il-Ministeru għal Għawdex jagħmel referenza għall-filmati li xxandru fuq mezzi tal-midja soċjali u anke fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni fejn intwerew inġenji jiddisponu minn materjal fil-bajja ta’ Marsalforn.

Il-proċess inkwistjoni jinvolvi li r-ramel, iċ-ċagħaq u materjal ieħor li ttella’ mill-baħar matul l-istaġun tax-xitwa, jerġa’ jsib ruħu lura fil-bajja skont method statment approvat mill-ERA.  Dan l-intervent ikun jista’ jsir biss meta l-kundizjonijiet tat-temp ikunu favorevoli. Il-Ministeru għal Għawdex jixtieq jiġbed l-attenzjoni li dan ix-xogħol isir ta’ kull sena wara li jinħarġu l-permessi kollha neċessarji.

Il-Ministeru għal Għawdex qiegħed jikkolabora mal-Awtoritajiet kompetenti sabiex jassigura li ma jkun hemm l-ebda impatt ambjentali fiż-żona.

34 persuna jitilfu ħajtihom fil-Kanada minħabba sħana qawwija

Erbgħa u tletin persuna tilfu ħajjithom fil-provinċja Kanadiża ta’ Quebec hekk kif għaddejja sħana qawwija. Fil-Kanada, dan it-temp ilu għaddej għal madwar ġimgħa hekk kif it-temperaturi qed ilaħħqu madwar 37 gradi celsius u l-umdita’ hija għolja, bit-temperaturi jinħassu sa 47 gradi celsius.

Il-vittmi ta’ din is-sħana qawwija huma nies li għandhom madwar 50 u 80 sena.

Uffiċjali qalu li dawn huma l-iktar ġranet sħan f’dawn l-aħħar diċenji u uffiċjali tas-saħħa qegħdin jitolbu biex jibgħqu fil-kenn u jixorbu ħafna ilma.

Fi tweet, il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau qal li juri s-sogħba tiegħu għal familjari u l-qraba tal-vittmi, filwaqt li bħall-uffiċjali tas-saħħa qal li s-sħana se tippersisti.

Send this to a friend