Eman Portelli

Żgħażagħ iżuru l-Arkivji Nazzjonali sabiex jitgħallmu aktar dwar l-istorja ta’ pajjiżna

Grupp ta’ żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena qattgħu nofstanhar f’esperjenza li qarrbithom mal-kunċett ta’ xogħol volontarju fl-Arkivji Notarili l-Belt Valletta.

Din l-inizjattiva mtella’ mis-Segretarjat għar-Riforma, Ċittadinanza u Simplfikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru hi parti mill-kampanja Achievers fir-riforma mmirata biex żgħażagħ jinvestu l-ħin liberu tagħhom f’dixxiplini differenti fosthom sports, arti, u kultura u jitbiegħdu mill-vizzji, fosthom drogi.

Iż-żgħażagħ segwew mill-qrib il-ħidma li ssir fl-Arkivji Notarili ta’ Malta, minjiera ta’ wirt storiku li tiġbor fiha kollezzjoni vasta ta’ dokumenti storiċi u li jmorru lura għal mijiet ta’ snin. Huma kellhom spjegazzjoni fuq dokumenti li jitfgħu dawl fuq x’tip ta’ ikel kien jittiekel fuq il-vapuri fi żmien il-kursari kif ukoll sezzjoni ta’ kif isir kafè tipiku Malti.

Dr Joan Abela, storiku fi ħdan l-Arkivji Notarili, spjegat il-ħidma f’dawn l-arkivji. Fissret kif bosta voluntiera minn żmien għal żmien jagħtu l-ħin liberu tagħhom f’dan il-post mimli storja.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, li wkoll kien preżenti, filwaqt li feraħ liż-żgħażaġħ preżenti, qal li l-protezzjoni tal-wirt storiku hija xi ħaġa kruċjali u għalhekk inizjattivi li jħeġġu l-volontarjat fost iż- żgħażagħ f’dan is-settur huma inizzjattivi ta’ min ifaħħarhom.

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli ferħet liż-żgħażagħ preżenti li wieġbu għas-sejħa biex jingħaqdu mar-riforma Achievers.

“Aħna rridu nkunu ġenerazzjoni ta’ politiċi li nagħmlu differenza bl-eżempji li nagħtu. Irridu niżirgħu mentalità u kultura li mhux kollox jgħaddi imma li nagħmlu dawk il-passi differenti li jħallu impatti posittivi fis-soċjetà tagħna,” sostniet is-Segretarju Parlamentari.

“F’ħajti sibt li l-volontarjat jagħmlek bniedem komplut f’kull sens, u nawgura li l-pass tal-lum se jkun il-bidu ta’ avventura sabiħa fil-vjaġġ tagħkom iż-żgħażagħ,” fissret is-Segretarju Farrugia Portelli.

Iż-żgħażagħ ingħataw ċertifikat tal-attendenza.

Tusk jgħid li Johnson ma jridx li l-Ingilterra toħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim

Hekk kif baqa’ sal-aħħar t’Ottubru sabiex l-Ingilterra toħroġ mill-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kunsill tal-Ewropa Donald Tusk qal li l-Prim Ministru Ingliż ma jridx joħroġ lil pajjiżu mingħajr l-ebda ftehim.

Tusk qal dan meta kien qed jitkellem fil-bidu tas-summit tal-G7 li qed isir f’Biarritz fi Franza.

Matul din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson iltaqa’ mal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-President Franċiż Emmanuel Macron fejn iddiskutew aktar dwar Brexit.

Tusk semma’ wkoll kif il-kompetizzjoni fil-kummerċ qed twassal biex ir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi l-kbar ma tibqax stabbi. Qal ukoll kif dan is-summit huwa wieħed kruċjali sabiex jgħaqqad lil dawn il-pajjiżi bejnithom.

Il-Ħadd tibda ġimgħa t’attivitajiet f’Bormla

Il-Ħadd jibdew ġimgħa attivitajiet relatati mal-Cospicua Short Play Festival 2019. Din il-ġimgħa t’attivitajiet se tibda l-Ħadd fit-19:45 bi ftuħ ta’ wirja dwar Charles Clews ġewwa l-Università Amerika ta’ Malta (AUM). Il-wirja se tkun iddedikata lil Charles Clews, mitt sena wara twelidu, bil-wirja se tkun miftuħa l-ġimgħa sħiħa.

Din il-ġimgħa impenjattiva għal Bormla se tkun qed tilħaq il-qofol tagħha l-Ġimgħa 30 t’Awwissu u s-Sibt 31 t’Awwissu. F’dawn il-jumejn bejn it-20:00 u l-23:00 se jkunu qed jitgħellu sitt produzzjonijiet differenti imxerdin madwar il-belt Bormliża.

Kemm il-wirja u kemm ir-rapprezentazzjonijiet huma bla ħlas.

Tinsteraq waħda mis-siġar taż-Żnuber li tħawlu din il-ġimgħa fit-Telgħa tas-Saqqajja

F’inqas minn 24 siegħa wara li tħawlu aktar minn 100 siġra taż-Żnuber fit-Telgħa s-Saqqajja, xi persuna jew persuni mhux magħrufa, serqu waħda minn dawn is-siġar.

Dawn is-siġar tħawwlu l-Ħamis filgħodu sabiex ibiddlu lil dawk is-siġar li kienu mietu qabel u qatt ma ġew mibdula. Flok din is-siġra li nsterqet, se tkun qed titwaħħal siġra oħra taż-Żnuber.

Dan qalu l-Ministru tat-Transport u Infrastruttura Ian Borg fuq Facebook dan sabiex pajjiżna jkollu infrastruttura sostenibbli u ambjent aħjar.

Partitarji Ħamruniżi jfakkru l-memorja ta’ Jean Paul Bonett

Il-Ġimgħa filgħaxija, waqt il-logħba partitarji ta’ Ħamrun Spartans kontra Gżira United fakkru l-memorja ta’ Jean Paul Bonett. Bonett huwa r-raġel li tilef ħajtu b’mod traġiku l-Ħamis f’maħżen tal-Karnival fil-Marsa.

Il-partitarji Ħamruniżi ħallew siġġu vojt u tefaw ritratt ta’ Jean Paul, filwaqt li tefaw bukkett tal-fjuri quddiemu. Bonett li kien mill-Ħamrun kien attiv ħafna fil-kommunità ta’ din il-lokalità.

Il-logħba bejn Ħamrun Spartans u Gżira United spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls.

Send this to a friend