Edward Montebello – Page 7 – One News

Edward Montebello

Notifiki

L-attivitajiet tal-massa projbiti, multa ta’ €50 jekk ma tilbisx maskra u żewġ ċentri oħra għall-ittestjar

Wara laqgħa bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, il-Prim Ministru Robert Abela qal li ntlaħaq qbil fuq ħafna punti diskussi dwar is-sitwazzjoni attwali marbuta mal-imxija. Qal li l-attivitajiet tal-massa mhux se jsiru iżda t-tiġijiet biss jistgħu jsiru. Hija l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM li għadha mhux taqbel dwar it-tiġijiet.

F’kummenti li ta lil midja fi tmiem laqgħa ta’ madwar sitt sigħat mal-MCESD f’Kastilja, il-Prim Ministru Abela qal li wara din il-laqgħa ntlaħaq bilanċ permezz ta’ miżuri li jissalvagwardjaw saħħet il-poplu iżda anki jħarsu l-kwalità ta’ ħajjet in-nies.

Intant tat ukoll kummenti, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci. Hija spjegat kif il-ġimgħa d-dieħla se jiftħu żewġ ċentri ġodda għall-ittestjar tal-COVID-19 biex l-awtoritajiet tas-saħħa jlaħħqu mad-domanda tal-ittestjar għall-virus.

Wara l-laqgħa mal-imsieħba soċjali, il-Professur Gauci qalet li l-ilbies tal-maskri se jkun wieħed obbligatorju f’ċertu postijiet fosthom fuq il-karozzi tal-linja, fil-ħwienet u fuq il-vapur t’Għawdex. Qalet li se jkun qed isir infurzar biex jiġi assigurat l-ilbies tal-maskri f’postijiet fejn hemm tendenza li jinġemgħu n-nies u għalhekk dawk il-persuni li jinqabdu mingħajr maskra f’uħud minn dawn il-postijiet jeħlu multa ta’ €50.

Hija qalet li dawn l-emendi fil-liġi se jidħlu fis-seħħ mill-jum tal-Ġimgħa u spjegat kif se jkun hemm ċertu kriterji għal anki attivitajiet mhux tal-massa, fosthom limitu ta’ kemm jattendu nies f’attivitajiet ġewwa jew barra. Hija reġgħet semmiet il-kwarantina għal kull min huwa infettat bil-virus u anki ċertu miżuri għall-viżitaturi ta’ nies fl-isptar jew fi djar tal-anzjani.

Fil-fatt is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li n-nies se jkunu jistgħu jibqgħu jżuru l-anzjani iżda minn wara l-perspex biex jiġi evitat il-kuntatt fiżiku ma’ nies meqjusa vulnerabbli. Intant wara l-laqgħa tal-MCESD, il-President tal-MAM, Dr. Martin Balzan ikkonferma li d-direttivi industrijali li mponiet l-Assoċjazzjoni Medika Maltija se jibqgħu fis-seħħ.

Metsola tirtira u kollox jindika li Grech se jkun il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Busuttil

Roberta Metsola hija l-ewwel waħda li rtirat mit-tellieqa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista u kollox juri li Bernard Grech se jkun il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li se jtellaq kontra Adrian Delia.Aqra aktar

Il-President tal-MAM barra jgħid mod u f’Malta jgħid mod ieħor – l-Orizzont

Il-ġurnal l-Orizzont irrapporta kif il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Dr. Martin Balzan barra l-pajjiż jgħid mod iżda f’Malta qed jgħid mod ieħor dwar is-sitwazzjoni tal-imxija.Aqra aktar

Tliet persuni biss jinsabu l-isptar Mater Dei minħabba l-Covid-19

Huma tliet persuni biss li qed jirċievu l-kura fl-isptar Mater Dei wara li kienu infettati bil-Coronavirus.

Dan ħareġ minn informazzjoni li ta l-Ministeru tas-Saħħa u li anki ġiet rappurtata fuq it-Times.

Fil-fatt sa nhar it-Tnejn li għadda tliet pazjenti biss kienu jeħtieġu kura f’Mater Dei, filwaqt li disa’ persuni oħra kienu fl-isptar Boffa u erba’ persuni oħra fl-isptar privat ta’ San Tumas.

Kelliem għall-Ministeru tas-saħħa spjega li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-aħħar pazjenti fi sptarijiet barra Mater Dei ma għandhomx bżonn kura għall-virus fi sptar iżda nżammu hemm għaliex kienu jgħixu ma’ persuni vulnerabbli jew ma jistgħux iżommu distanza soċjali ma’ nies oħra fejn jgħixu.Aqra aktar

Se jippruvaw itawlu biex ixaqilbu l-miżien favurihom u jtajruh

Il-Kummissjoni kandidati tal-Partit Nazzjonalista għandha sa massimu ta’ sitt ġimgħat ċans biex isir l-eżerċizzju ta’ verifika u due diligence fuq il-kandidati li juru interess biex joħorġu għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li dan il-perjodu ta’ xahar u nofs kemmex xuftejn in-nies ta’ Delia li għarfu li b’dan il-perjodu twil, il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil tista’ tieħu l-ħin tagħha biex timmonta kampanja ikbar kontra Delia u tikkonvinċi iżjed tesserati biex ma jivvutawx lil Delia.
“Se jippruvaw itawlu biex ixaqilbu l-miżien favurihom u jtajruh”, qalilna s-sors tagħna fl-istamperija b’referenza għal manuvri min-naħa tar-ribelli fil-konfront ta’ Delia.

Il-Partit Nazzjonalista ħa jgħaddi minn elezzjoni oħra ta’ Kap, f’inqas minn tliet snin, fi sfond ta’ ġlied u firda bejn iż-żewġ fazzjonijiet, dik tal-Kap attwali Adrian Delia u tal-eks Kap Simon Busuttil.

It-Tlieta ltaqa’ l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista fejn ġew diskussi r-regolamenti li ressqet il-Kummissjoni Elettorali tal-partit immexxija mill-esponent tal-fazzjoni Busuttil, Peter Fenech.

Dawn ir-regolamenti għad iridu jiġu approvati minn Kunsill Ġenerali ieħor li propju ftit tal-jiem ilu, il-biċċa l-kbira tal-membri tiegħu għażlu li flok imorru għall-konferma ta’ Delia bħala Kap, iddeċidew favur elezzjoni oħra għal Kap Nazzjonalista.Aqra aktar

16-il immigrant li ddaħħlu f’pajjiżna ġew iżolati wara li nstabu li għandhom il-Covid-19

Fi stqarrija ntqal li 16-il immigrant li ddaħħlu f’Malta rriżultaw fil-pożittiv għall-Coronavirus. Ġie spjegat li l-aħħar grupp ta’ immigranti li ddaħħlu f’Malta fil-jum tat-Tnejn kien ta’ 78 immigrant.

Il-Ministeru għas-Saħħa kkjarifika li apparti li sar test għall-virus fuq dawn it-78 immigrant, reġgħu saru wkoll testijiet lil numru ta’ immigranti li kienu ddaħħlu fil-jiem ta’ qabel.

B’hekk fl-aħħar sigħat saru 91 test fuq immigranti li minnhom 16-il persuna irriżultaw fil-pożittiv.

Ġie spjegat li l-immigranti li jiddaħħlu f’pajjiżna jiġu iżolati u jsirilhom test għall-Covid19.

Il-Gvern fakkar li bħalma hija l-proċedura normali, l-immigranti li jaslu bil-baħar jinżammu immedjatament fi kwarantina u jiġu ttestjati. L-immigranti li nstabu li huma pożittivi se jibqgħu jinżammu f’iżolament f’parti fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Far u l-bqija se jibqgħu fi kwarantina u jiġu segwiti.

Send this to a friend