Edward Montebello

Notifiki

Destiny se tkanta fis-sitt post fil-finali tal-Eurovision

L-ambaxxatriċi Maltija għall-Eurovision Song Contest, Destiny se tkun qed tkanta fis-sitt pożizzjoni fil-finali tas-Sibt.

Wara li l-Ħamis filgħaxija għaddew l-aħħar għaxar pajjiżi għall-finali, it-tim tal-produzzjoni tal-Eurovision f’Rotterdam ħareġ l-ordni ta’ kif se jipparteċipaw is-26 pajjiż finalist.

Dan wara polza li saret biex ikun magħruf jekk pajjiż jikkompetix fl-ewwel jew fit-tieni nofs tas-serata.

Qabel Malta se tkanta l-kantanta Russa u wara eżatt Malta se jitla’ fuq il-palk il-grupp mill-Portugall.

Skont l-aħħar żviluppi mid-djar tal-imħatri, Franza issa hija l-aktar favorita li tirbaħ il-Eurovision u l-kantanta Barbara Pravi se tkanta fl-għoxrin pożizzjoni.

Il-grupp rock Taljan Måneskin se jikkompeti fl-erbgħa u għoxrin pożizzjoni.

Malta tinsab momentarjament fit-tielet post fost id-djar tal-imħatri.

 

L-aħħar għaxar pajjiżi jgħaddu għall-finali tal-Eurovision tas-Sibt

Illejla għaxar pajjiżi oħra għaddew għas-serata finali tas-Sibt li ġej, tal-Eurovision Song Contest.

F’Ahoy Arena f’Rotterdam, l-Olanda, ittellgħet serata spettakolari oħra tal-Eurovision fejn minn fost sbatax-il pajjiż, għaxar pajjiżi oħra ngħaqdu mal-finalisti li hemm diġà għas-Sibt, fosthom Malta.

Il-pajjiżi li għaddew għall-finali huma: l-Albanija, is-Serbja, il-Bulgarija, il-Moldova, il-Portugall, l-Iżlanda, San Marino, l-Iżvizzera, il-Greċja u l-Finlandja.

Għada l-Ġimgħa jkomplu l-impenji għad-delegazzjoni Maltija fejn Destiny ikollha żewġ provi ġenerali oħra, b’dik ta’ filgħaxija tkun importanti għax tivvota l-ġurija fil-finali kkontestat minn sitta u għoxrin pajjiż.

 

L-Avukat De Marco f’battibekki ma’ Karol Aquilina

Waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, l-Avukat tas-Sur Paul Apap Bologna għamlet dikjarazzjoni iebsa li l-klijent tagħha kien qed jiġi ffastidjat.

Dan fl-isfond ta’ mistoqsijiet li bdew isiru minn membri tal-Oppożizzjoni, fosthom id-Deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina lid-Direttur tal-Electrogas.

Aqra aktar

Serb se jiġi mixli bi qtil ta’ tliet snin ilu f’Għawdex… sitt snin ilu xellef difrejh mal-ġustizzja

Fis-sigħat li ġejjin mistenni jitressaq il-Qorti s-Serb mixli bi qtil li seħħ tliet snin ilu f’Għawdex.

Sorsi qrib ONE News qalu li possibilment is-Serb bl-isem ta’ Aleksandar Stojanovic jitressaq illum quddiem il-Qorti t’Għawdex.

Fl-aħħar jiem il-pulizija għamlet passi ta’ ġgant fuq każ ta’ qtil ta’ Eġizzjan li seħħ fil-15 ta’ Jannar tal-2018.

Stojanovic għandu 42 sena u mhux l-ewwel darba li xellef difrejh mal-ġustizzja.

Sitt snin ilu huwa kien ġie kkundannat għal disa’ xhur ħabs wara li seraq bosta oġġetti minn Land Rover ipparkjata f’San Ġiljan.

Dak iż-żmien kien intqal li l-oġġetti misruqa, fosthom mobiles, kienu jammontaw għal valur ta’ €1,200.

Intant fl-aħħar sigħat nifhmu li l-Pulizija mill-Iskwadra tal-Omiċidji kienet qed tkellem lis-Serb b’rabta mal-omiċidju ta’ tliet snin ilu f’Għawdex, li kien għadu mhux solvut.

Il-vittma f’dan il-każ kien Walid Salah Abdel Motaleb Mohamed, Eġizzjan ta’ 42 sena.

Il-vittma kellu żewġ itfal u kien miżżewweġ Għawdxija.

Motaleb Mohamed kien instab bla ħajja kawża ta’ żewġ tiri ġewwa kamra qrib il-kappella ta’ San Dimitri fl-Għarb.

Intant il-pulizija sejħet għal konferenza tal-aħbarijiet fis-siegħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar u nifhmu li l-pulizija mistennija tagħti dettalji b’rabta ma’ dan l-omiċidju.

Din il-konferenza stampa miftuħa għall-ġurnalisti se ssir id-Depot.

 

Send this to a friend