Ir-regatta tradizzjonali relatata maċ-ċelebrażżjonijiet ta’ Jum il-Ħelsien ġiet u għaddiet. Bormla rebħu ix-shields taż-żewġ kategoriji tal-kompetizzjoni, ċioe dik tal-Kategorija Open u Kategorija B. Fit-tieni post, fiż-żewġ kategoriji wkoll, ġie r-raħal ta’ Birżebbuġa fejn irnexxielhom jirbħu tmien palji minn għaxar tiġrijiet.
Bħala dilettant tal-klabb ta’ Birżebbuġa, nkun qed nonqos jekk ma naqsamx ħsibijieti, u d-diffikultatjiet tagħhom, magħkom il-qarrejja.
Propju sena ilu, kont ktibt fuq blog personali tiegħi rigward dan il-klabb wara li kien rebaħ ix-Shield tar-regatta kontra kull mistenni. Ir-raġuni li kont ktibt kien l-iktar dwar il-mirakli li qed jgħamlu meta wieħed jikkunsidra d-diffikultajiet li dan il-klabb qed jiffaċċja – speċjalment fejn jidħlu faċilitajiet u loġistika, u li wasal iż-żmien li dan il-klabb jingħata dak li ilu jistinka għalih.
Il-klabb ta’ Birżebbuġa kien reġa’ twaqqaf ftit tas-snin ilu, u matul dawn is-snin irnexxielu jirbaħ ix-shields fiż-żewġ kategoriji u anki rebaħ diversi palji matul id-diversi tiġrijiet. Iżda żgur li l-ikbar unur li għandu dan il-klabb huwa l-qaddiefa żgħażagħ li qed irawwem, bil-maġġoranza tagħhom kollha tfal minn Birżebbuġa stess. Il-kumitat huwa ħabrieki, l-qaddiefa huma dedikati ħafna, id-dgħajjes huma armati, iżda hemm ostaklu kbir loġisitiku li qed iwaqqaf milli dan il-klabb ikompli jikber. Dawk dilettanti tar-regatta jistgħu jixhdu dan kollu
Għal dawn l-ahhar snin, il-klabb ilu jirsisti sabiex ikollu l-maħżen u propjetà tiegħu minn fejn jopera. Għalkemm kien hemm avvanzi żgħar fejn tidħol l-art li hija identifikata għal dan il-proġett, il-proċess qed jieħu wisq fit-tul. Tajjeb illi ngħidu li dan id-dewmien qed iseħħ meta għadu lanqas biss beda l-proċess tat-tender!
Aqra aktar