Jiżdiedu b’aktar mid-doppju t-turisti li ġew Malta f’Lulju li għadda

In-numru ta’ turisti li ġew Malta fix-xahar ta’ Lulju ta’ din is-sena, laħħaq il-mija u wieħed u għoxrin elf, tliet mija u ħdax, filwaqt li l-iljieli li dawn qattgħu f’pajjiżna ammontaw għal miljun, mija u tmintax-il elf, tmien mija u wieħed u sebgħin lejl.

Dawn iċ-ċifri jfissru darbtejn u nofs aktar minn dawk li għażlu li jiġu Malta fl-istess xahar tas-sena l-oħra.

Fi stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ingħad li l-maġġoranza tat-turisti li żaru pajjiżna xahrejn ilu, aktar minn mija u ħamest elef, ġew għal vaganza.

Ħamest elef oħra ġew għal skopijiet ta’ xogħol.

L-ikbar ammont ta’ turisti li ġew Malta f’Lulju kienu adulti ta’ bejn il-ħamsa u għoxrin u l-erbgħa u erbgħin sena. Dawn kienu segwiti mill-grupp ta’ tfal sal-età ta’ erbgħa u għoxrin sena.

Il-maġġoranza ta’ dawk li ġew Malta f’dan ix-xahar sajfi, kienu Franċiżi u Taljani.

Aktar minn tmenin fil-mija tal-iljieli li t-turisti qattgħu f’pajjiżna, għamluhom fi stabbilimenti tal-kiri, fejn qattgħu medja ta’ disat iljieli.

L-ispiża tat-turisti f’Malta fix-xahar ta’ Lulju, laħħqet il-mija u sitta u għoxrin miljun ewro. Dan ifisser tlieta u disgħin miljun ewro aktar minn kemm nefqu t-turisti li ġew Malta f’Lulju tas-sena l-oħra.

L-istatistika għall-ewwel seba’ xhur tas-sena, turi li t-turisti li ġew Malta ammontaw għal aktar minn mitejn u sittin elf.

Dan jirriżulta fi tnaqqis fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra, meta l-ewwel xahrejn kienu għadhom qed jaraw turiżmu b’saħħtu mingħajr pandemija, filwaqt li l-ewwel ftit xhur ta’ din is-sena kien għadu kif beda jingħata l-vaċċin kontra l-COVID-19 madwar l-Ewropa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend