F’Ġunju jintlaħaq rekord ġdid bl-ogħla temperatura fi kważi 100 sena

L-ogħla temperatura li ntlaħqet matul is-sajf meteoroloġiku li għadda ntlaħqet lejn il-bidu tal-istaġun, hekk kif f’Ġunju l-merkurju mmarka 41.5°C u b’hekk ġie stabbilit rekord ġdid għall-aktar temperatura sħuna għax-xahar sa mill-1923 ’l hawn.

Qabel intlaħaq dan ir-rekord, l-aktar temperatura sħuna għax-xahar kienet ta’ 37.8°C, li ġiet irreġistrata f’Ġunju 2019.

Ħarsa lejn dejta meteoroloġika reċenti, fil-fatt, turi li temperaturi simili ħafna għal dawk li ġew irreġistrati matul l-istaġun li għadda kienu esperjenzati wkoll fl-2019 u l-2012, bit-temperaturi massimi għal dawn iż-żewġt is-sjuf ikunu ta’ 39.6°C u 40.8°C, rispettivament.

It-temperaturi tal-arja massimi ta’ Lulju u Awwissu ta’ 38.0°C u 40.6°C kienu aktar baxxi mill-ogħla temperatura ta’ Ġunju.

Filwaqt li l-imwieġ tas-sħana jkunu mistennijin matul ix-xhur tas-sajf, l-ewwel mewġa tas-sħana tas-sajf li għadda, li damet 12-il jum bejn it-tieni nofs ta’ Ġunju u l-bidu ta’ Lulju, żgur li ħafna ser jibqgħu jiftakruha bħala waħda mill-itwal. It-tieni mewġa ta’ sħana li laqtet lill-gżejjer Maltin, bejn l-aħħar ta’ Lulju u l-bidu ta’ Awwissu.

Il-baħar li jdawwar lill-gżejjer Maltin ukoll kien aktar sħun milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena, bit-temperatura medja tal-wiċċ għal Ġunju, Lulju u Awwissu taqbeż in-normi klimatiċi rispettivi b’bejn 1.9°C u 2.9°C.

Is-sajf beda b’temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar ta’ 23.4°C f’Ġunju u ntemm b’medja ta’ 29.0°C f’Awwissu.

Temperaturi sħan tal-arja u l-baħar kienu akkumpanjati minn ftit aktar minn 1000 siegħa xemxin. Filwaqt li s-sigħat xemxin ta’ Lulju żammew man-norma klimatika, f’Ġunju ġew irreġistrati 34 siegħa xemxin anqas mill-kwota għax-xahar, prinċipalment minħabba l-preżenza ta’ trab sospiż fl-arja u sħab f’livell għoli f’diversi okkażjonijiet. Min-naħa l-oħra, Awwissu kien aktar xemxi milli mistenni u matulu n-norma ta’ 335.3 siegħa xemxin insebqet b’7.6 sigħat.

L-istaġun tas-sajf kien ikkaratterizzat minn nuqqas ta’ xita, fejn matul ix-xahar ta’Lulju ma għamlitx xita, filwaqt li f’Ġunju u f”Awwissu pproduċew 0.8 mm xita kull wieħed, liema ammonti kienu anqas min-norma.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend