Produtturi tal-inbid jitkellmu dwar min qed ikun avventuruż u jipproduċi inbid ta’ kwalità

Missirjietna kienu jgħidu; Settembru għas-salarju jmur kull membru għaliex jitħallsu fost oħrajn l-għassara tal-għeneb li bħalissa xogħolhom jiżdied hekk kif l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb jinsab għaddej ġmielu.

Fi dwieli fis-Siġġiewi stajna nsegwu qtugħ t’għeneb Cabernet Sauvignon.

Salvu Azzopardi, il-President ta’ Vitimalta, organizzazzjoni li tirrappreżenta madwar tliet mitt produttur Malti tal-għeneb, spjega kif il-proċess tal-produzzjoni tal-għeneb idum is-sena kollha fejn fil-bidu b’reqqa, issir iż-żabra tad-dwieli.

Għalkemm l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb f’pajjiżna jibda lejn l-aħħar ta’ Lulju u jibqa’ sejjer sal-aħħar ta’ Settembru, Azzopardi stqarr magħna kif illum il-bdiewa għandhom diversi metodi kif jiddeċiedu meta hu l-ħin opportun li l-għenba tinqata’.

Azzopardi stqarr, “It-tradizzjoni anki titgħallem maż-żmien billi jduqu u jkun jaf il-ħlewwa, però illum għandna strumenti li jgħidulek anki l-ammont ta’ zokkor li fih l-għeneb. Għalhekk, aħna dejjem insibu l-ogħla punt fejn ikun wasal l-aqwa tiegħu l-inbid.”

Minn naħa l-oħra, is-Segretarju Amministrattiv tal-istess organizazzjoni, Gerald Vella, spjegalna kif f’dawn l-aħħar snin il-maturità tad-dielja Maltija, speċjalment dawk li jkollhom madwar għoxrin sena, jipproduċu għeneb ta’ kwalità għolja iżda fi kwantitajiet żgħar.

Vella rrimarka, “Tkun dielja meqjusa bħala matura u tagħmel frott ta’ kwalità aktar għolja biss tkun ukoll dielja li qed tixjieħ. Dan ifisser illi l-vinja tagħna ikollha ammont ta’ żmien u tnaqqas il-produzzjoni.”

Meta mistoqsi dwar xi jsir mill-għeneb wara l-qtugħ, Azzopardi saħaq li hawn min qed ikun iżjed avventuruż fil-produzzjoni tal-inbid.

Hu qal, “Hawn min jiġifieri qiegħed jagħmel l-inbid tiegħu huwa stess. Hawn ħafna li huma produtturi żgħar li jagħmlu inbid ta’ kwalità u jiswa ħafna aktar flus. Jien ngħid li t-triq ta’ Malta m’hijiex il-produzzjoni tal-massa tal-inbid imma hija l-inbid ta’ kwalità li jkun jiswa naqra iżjed u jinbigħ lil turisti partikolari jew Maltin partikolari li jkunu jirdu inbid ta’ vera Malti.”

Fl-aħħar, Vella temm jgħid kif is-suq u d-domanda għall-inbid dejjem qed tevolvi.

Hu stqarr, “Hija sfida oħra għalina għaliex jekk inti għandek vinja tal-Merlot mhux ser tiddeċiedi tibda tagħmillek is-Syrah, il-Merlot ħa tagħmel. Allura irid ħafna aktar pjanar biex aħna nkunu paripassu mas-suq però ma nistgħux ngħidu li m’aħniex naqraw is-suq tajjeb.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend