Jitressaq id-dokument ta’ qabel il-Budget bit-tema “X’pajjiż tixtieq tħalli lil uliedek?”

Bit-tema “X’pajjiż tixtieq tħalli lil uliedek?” tnieda d-dokument ta’ qabel il-Budget ftit inqas minn xahar qabel jiġi ppreżentat il-Budget għall-2022.

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana sostna li l-ambjent u s-saħħa se jkunu pilastri ewlenin fil-Budget li se jressaq il-Gvern fil-11 t’Ottubru.

Il-Ministru Caruana qal ukoll li avvenimenti madwar id-dinja fl-aħħar sena kienu r-raġuni għat-tema magħżula, hekk kif l-isfidi li affaċċjat id-dinja ġabu magħhom ħsieb dwar kif nistgħu nimxu ’l quddiem.

Spjega li wara dawn l-isfidi, Malta se toħroġ aktar b’saħħitha.

Il-Ministru sostna li filwaqt li pajjiżi oħra ħaddnu strateġija ta’ awsterità waqt il-pandemija, Malta investiet fin-nies, u minħabba dan, it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna se jkun ferm ogħla minn diversi pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea.

Spjega kif din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn f’Malta mhux se jogħlew it-taxxi, ida madwar id-dinja, stati qed jibdew iħabbru li se jgħollu t-taxxi tagħhom.

Rigward is-suq tax-xogħol, intqal li minħabba dan l-investiment, Malta daħlet fil-pandemija bl-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea, u saħansitra l-qgħad baqa’ jonqos għall-inqas livell fl-istorja ta’ pajjiżna.

Il-Ministru għall-Finanzi qal li dawn iċ-ċifri għandhom jagħmlu lil kull wieħed u waħda minnha kburin, hekk kif minkejja ċ-ċokon tagħna, dan il-pajjiż irnexxielu jaqbeż lil kulħadd.

Huwa spjega li minkejja li l-ispiża tal-Gvern żdiedet drastikament minħabba l-pandemija, din kienet deċiżjoni għaqlija, hekk kif huwa biss b’din l-ispiża li d-defiċit ta’ pajjiżna se jonqos bin-nofs.

Il-Ministru Caruana spjega, “L-ebda ewro ma kien ewro żejjed li nfaqna matul il-pandemija. Grazzi għal dak ix-xogħol kollu li għamilna u grazzi għall-flus kollha li nfaqna, dan il-pajjiż issa għandu suq tax-xogħol li huwa fost l-aktar b’saħħtu fl-Unjoni Ewropea, għaliex il-Maltin u l-Għawdxin għadhom fix-xogħol, nistgħu naraw li t-tkabbir ekonomiku f’dan il-pajjiż se jkompli, għaliex it-tkabbir ekonomiku jkompli, id-dħul għall-Gvern ikompli jiżdied u b’hekk inkunu nistgħu ngħinu aktar il-familji Maltin u Għawdxin.”

Il-Ministru Caruana qal li d-dejn f’pajjiżna se jibqa’ f’rati stabbli ta’ 65.8% tul is-sena 2022, filwaqt li pajjiżi Ewropej oħra ġabru dejn ta’ aktar minn 100% tal-prodott domestiku gross tagħhom.

Il-Ministru żied jgħid li minħabba r-ruħ soċjali tal-Gvern, u l-investimenti tiegħu f’dan il-qasam, in-numru ta’ persuni li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali naqas bin-nofs f’seba’ snin, b’hekk seħħet ukoll bidla fil-kultura fejn wieħed jiġi inċentivat biex jaħdem, minflok jiddependi fuq l-għajnuna soċjali.

Il-Ministru għalaq billi assigura li l-Gvern se jħalli l-finanzi ta’ pajjiżna aktar sodi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend