BIL-FILMAT: Il-proġett spazjali Malti jagħmel isem għand in-NASA

L-ewwel proġett spazjali Malti għaddej ġmielu hekk kif fil-jiem li ġejjin, dan il-proġett bl-isem ta’ Maleth mistenni jkun fi triqtu lejn l-istazzjon spazjali internazzjonali.

Il-proġett Maleth għamel isem fuq is-sit tan-NASA.

Dan il-proġett ser ikun qiegħed jistudja ċ-ċelloli tal-ulċeri tas-saqajn ta’ persuni bid-dijabete. Fil-fatt, ser jittellgħu sitt kampjuni li ser isir l-esperiment fuqhom f’ambjent aljen ġewwa l-istazzjon spazjali.

L-istudji fuq dawn il-kampjuni ser isir f’ambjent b’nuqqas ta’ gravità u b’livelli għoli ta’ radjazzjoni solari. Dan jagħmel l-esperiment wieħed uniku.

Tkellimna dwar dan mal-Professur Joseph Borg, li qiegħed imexxi l-missjoni, fejn spjegalna kif l-ulċeri ikollhom mikrobi li jwasslu għal kumplikazzjonijiet jekk dawn ma jkunux ikkurati.

“L-idea hi illi l-ġilda kif ukoll bil-mikrobi ta’ madwarhom ser naraw l-effett tal-ispazju fuqhom. Dawn il-mikrobi għandhom propjetà differenti mis-soltu. Il-problema hi li dawn huma infettivi, diffiċli biex tikkurhom u xi kultant iwasslu għall-imputazzjoni tas-sieq jew tas-swaba’.”

Il-Professur Borg żied jgħid li l-għan ta’ dan il-proġett huwa li jwassal għal informazzjoni dwar il-mikrobi biex ikun possibbli li tiġi żviluppata mediċina personalizzata.

“Aħna nixtiequ nkunu nafu dawn il-mikrobi x’jagħmilhom differenti jew speċjali.  X’nistgħu noħorġu minnhom b’mod ġenetiku jew informazzjoni biex aħna allura ġewwa Malta, f’ id-dinja, x’nistgħu nagħmlu biex nieħdu ħsiebha b’mod differenti. Din hija msejħa, il-famuża, ‘precision medicine’, mediċina personalizzata.”

Borg irrimarka ukoll kif il-fatt li pajjiżna qed jembarka fuq proġetti ta’ dan il-kalibru huwa wieħed sodisfaċenti anki għall-fatt li hemm Maltin oħra involuti fih.

“Interessanti ħafna li għandna l-bandiera tagħna fuq il-kaxxa li propju tiela’. Ċert għaliex meta tiċekkja is-sit tan-NASA u tal-ESA, li huma l-aġenziji spazjali internazzjonali, tara għall-ewwel darba isem Malta li ser itellgħu esperimenti fuq l-istazzjon spazjali internazzjonali. Jiena naħseb hi x’inhi din tħalli marka li ser tibqa’ hemmhekk u sabiħ ħafna li nkomplu nibnu fuqha.”

Hekk kif inhu mistenni li l-kampjuni jaslu fuq l-istazzjon spazjali fl-aħħar t’Awwissu hu mifhum li dawn ser iqattgħu ammont sostanzjali fuq din il-missjoni qabel jaslu lura fuq wiċċ id-dinja. Hemmhekk imbagħad jiskatta l-istudju fuq l-istess kampjuni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend