Il-maġġoranza tan-nies li jittellgħu l-Qorti fuq diskors ta’ mibegħda online huma anzjani

Din is-sena, it-Taqsima li tieħu ħsieb ir-reati ta’ diskors ta’ mibegħda online fi ħdan l-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji tal-Korp tal-Pulizija, irċeviet aktar minn mitt rapport ta’ din in-natura.

Il-liġi titkellem fuq diversi fatturi u tipproteġi persuni suxxettibbli għall-mibegħda bħall-ġeneru, orjentazzjoni ssesswali, ir-reliġjon u l-identità.

Jekk bniedem jgħaddi kummenti online kontra dawn il-minoranzi b’mod li jinstiga l-mibegħda, ikun qed jikser il-liġi.

L-Ispettur John Spiteri spjega kif f’dinja demokratika, kulħadd għandu dritt jesprimi l-opinjoni tiegħu, sa ċertu punt.

Huwa spjegalna: “Ir-reat isir meta bniedem iħoss li d-dritt jista’ jieħdu step ’il quddiem; meta jinqabeż dak il-fine line bejn id-dritt li wieħed jagħti opinjoni u d-diskors żejjed li jsir imbagħad jikkwantifika reat kriminali, dak tal-mibegħda razzjali.”

Il-pieni marbuta ma’ dawn ir-reati jistgħu jitilgħu sa tmintax-il xahar priġunerija u multi ta’ eluf ta’ ewro.

L-Ispettur qal li f’dinja li kulma jmur qed issir aktar teknoloġika, dawn ir-reati qed jiżdiedu.

Huwa sostna: “Persuna li kieku tkun qiegħda f’post pubbliku u kumment ma tgħaddihx, il-fatt li qiegħda ġewwa l-kumdità ta’ darha wara monitor jew wara mobile phone jew wara xi device u tħoss li dak li għandha f’moħħha tista’ tgħidu, dik hija sfida ġdida, ovvjament dak li jkun ma jħossx li ħa jkollu xi forma ta’ reazzjoni minn dik il-persuna allura wieħed mill-kumdità ta’ daru jħoss li jista’ jgħid dak li jrid.”

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija jintensifikaw meta l-profil li minn fuqu jkun sar il-kumment, ikun falz, u hawnhekk issir ħidma konġunta ma’ diversi taqsimiet oħra, fosthom dik tas-Cyber Crime.

L-Ispettur Spiteri tenna: “Mhux biss ikollna kummenti li jsiru minn profil li bniedem jista’ jiġi identifikat bih imma jkollna wkoll sitwazzjonijiet meta bniedem jikkrea profil fuq xi social media li huwa fake u proprju juża dak il-profil biex jgħaddi dawn il-kummenti dispreġġjattivi jew kummenti illegali fil-konfront ta’ dawn il-minoranzi.”

Ir-rapporti jsiru kemm minn dawk li jinnutaw il-kummenti u anki minn sorveljanza regolari li jagħmlu l-uffiċjali tal-Korp.

Ħafna min-nies li jaffaċċjaw il-ġustizzja f’dawn it-tipi ta’ reati jkunu kbar fl-età u allura l-bżonn ta’ aktar għarfien dwar l-użu għaqli tad-dinja online.

L-appell hu biex kull min irid jikkummenta, jagħmel dan b’attenzjoni u b’rispett.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend