Parti mis-sejba ta’ ilma ħelu li jmur lura għal 20,000 sena ġejja minn blat poruż

Bejn il-Belt u Wied il-Għajn, fix-Xlokk ta’ Malta, tim ta’ riċerkaturi lokali u anke internazzjonali sabu ammonti ta’ ilma ħelu taħt l-art f’żewġ postijiet separati.

Dan ħabbritu l-Università ta’ Malta permezz ta’ stqarrija hekk kif spjegat li din l-iskoperta hija bbażata fuq proġett ta’ riċerka lura fl-2018 u li nvolviet spedizzjoni minn tim ta’ xjentisti.

Fil-fatt ONE News iltaqa’ u tkellem mal-Professur Aaron Micallef mid-Dipartiment tal-Ġeo-Xjenza fl-Università ta’ Malta, li mexxa dan l-istudju.

Huwa fisser din is-sejba bħala waħda importanti: “Din ir-riżorsa li sibna billi nużaw dan l-apparat naħsbu li ġie ffurmat 20,000 sena ilu għaliex dak iż-żmein il-livell tal-ilma baħar kien iktar baxx, dak il-qiegħ kien espost jiġifieri kien art normali u kienet taqa’ x-xita u fforma dan il-ground water body. Imbagħad għamilna xogħol li jindika li hemm żona oħra viċin il-kosta li għandha wiesa’ ta’ kilometru ta’ ilma ħelu wkoll u dik probabbli hija daqsxejn iktar żgħira fl-età. Jista’ jkun li għandek l-ilma ħelu mill-art li nieżel ukoll.”

Fisser kif l-ilma ħelu mal-kosta jista’ jerġa’ jimtela’ b’mod naturali għaliex kollox jindika li l-ilma ġej minn blat poruż: “Dak viċin il-kosta, il-ġeoloġija hija l-istess però hemm il-probabbilità li qed jiġi recharged f’dawn iż-żminijiet ukoll jiġifieri jekk nużawh, u nużawh b’ammont sostenibbli jista’ jiġi recharged fil-futur ukoll.”

Temm jgħid kif fil-futur qrib ikun tajjeb li dawn is-sejbiet ta’ ilma tajjeb għax-xorb jkunu kkunsidrati bħala strateġiji alternattivi tal-ilma għal pajjiżna: “ ’Il quddiem naħseb ikun tajjeb nikkunsidraw anke dawn il-groundwater bodies ġodda li sibna f’dawn il-konsiderazzjonijiet.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend