Messaġġ t’azzjoni mill-istudenti se jixxandar mill-ispazju

Fl-ewwel missjoni spazjali li se tipparteċipa fiha Malta, l-istudenti flimkien mal-ġenituri tagħhom u l-ħaddiema tal-iskola San Andrea fl-Imġarr se jkunu qegħdin ixandru l-appell tagħhom għall-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima mill-ispazju.

Bl-isem ta’ ‘Do It Now’, il-messaġġ ta’ din il-kanzunetta huwa wieħed ċar; li kull wieħed u waħda minna jeħtieġ li jagħmel dak kollu possibbli sabiex inwaqqfu l-effetti tat-tibdil fil-klima milli jkunu irriversabbli.

David Micallef, Manager anzjan fi ħdan l-iskola ta’ San Andrea spjega kif b’din il-kanzunetta, kull min ipparteċipa jrid biss li jilħaq kull persuna Maltija sabiex jisma’ dan il-messaġġ.

Huwa stqarr: “L-appell tagħna bħala skola, aħna b’Sing for the Climate il-messaġġ qiegħed hemm. Huwa messaġġ vera dirett u vera sempliċi fl-istess ħin, jiġifieri li qed nitolbu huwa li kull persuna li għandna f’Malta tieħu azzjoni b’mod kollettiv. Ma naħsibx li għadna fiż-żmien li noqogħdu niddiskutu x’nistgħu nagħmlu imma dan huwa ż-żmien t’azzjoni.”

Sostna wkoll kif huma kienu fortunati li l-iskola għandha fi ħdanha bosta nies b’talent, li kollha taw il-ħiliet artistiċi tagħhom għal din il-kanzunetta.

Huwa għalaq b’appell lill-organizzazzjonijiet u skejjel oħra sabiex isemmgħu leħinhom f’dan iż-żmien kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Micallef sostna: “Proġett bħal dan aħna qegħdin inħajru skejjel oħra u organizzazzjonijiet oħra biex jirrekordjaw il-verżjoni tagħhom u tkun il-bidu ta’ azzjoni u dawn kliem li qegħdin fid-diska innifisha.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend