Lejn it-tempji megalitiċi ressqu iżjed għasafar waqt il-kwiet tal-pandemija

Mill-bidu tal-pandemija, f’Marzu tas-sena l-oħra, kienu bosta siti storiċi madwar id-dinja li għall-ewwel darba f’ħafna snin, inħakmu mis-silenzju u nuqqas t’attività.

Din kienet l-istess realtà li kienu jqumu għaliha kull filgħodu l-ħaddiema ta’ Heritage Malta li jieħdu ħsieb is-siti ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra.

ONE News tkellem ma’ Katya Stroud, il-Kuratriċi anzjana fi ħdan Heritage Malta li tieħu ħsieb it-tempji Megalitiċi tal-Imnajdra u Ħaġar Qim fost l-oħrajn.

Hija spjegat kif b’dan iż-żmien uniku, l-aġenzija ħadet l-opportunità biex tagħmel osservazzjonijiet fuq dawn is-siti li ma setgħetx tagħmel fi żmien ieħor.

Fost l-oħrajn ta’ Heritage Malta nnutat kif l-għasafar fost annimali oħra, resqu aktar viċin lejn is-sit, iżda minkejja dan, ma kien hemm ebda ħsara fuq is-sit.

B’hekk l-aġenzija osservat kif bil-preżenza tal-viżitaturi, li ġieli tkun maħsuba li hija ta’ detriment għas-siti, hija utli sabiex ikun hemm bilanċ bejn l-effetti tal-viżitaturi u l-annimali.

Katya fissritilna: “Indunajna li fil-fatt iħallu impatt pożittiv ukoll min-naħa l-oħra għax il-flora u l-fauna partikolarment, igerxuha bil-preżenza tagħhom biss, jiġifieri m’hemmx ir-riskju li din il-fauna tiżdied b’tali mod li jagħmlu effett negattiv fuq is-siti għax bil-viżitaturi għaddejjin mis-sit, iżommuha f’livell aċċettabbli.”

Hija tkellmet ukoll dwar kif Heritage Malta addattat għar-realtà ġdida tal-pandemija, billi ressqet lin-nies lejn il-wirt storiku ta’ pajjiżna fid-djar.

Katya kompliet tispjegalna: “Ġimgħa wara li għalaqna konna skedati li nagħmlu l-‘Equinox Sunrise’ fl-Imnajdra. X’ġara? Għalaqna l-bibien, ma stajniex nagħmluha u litteralment jumejn wara għedna mela nagħmlu livestream. Għandna tim tajjeb f’Heritage Malta u preparajna biex nagħmlu livestream u n-nies apprezzawha ħafna għax f’daqqa waħda d-dinja tagħhom daret ta’ taħt fuq, imma fl-istess ħin stajna nipprovdulhom das-servizz li jfakkarhom li ċerti affarjiet baqgħu l-istess.”

Stroud qalet li l-ħaddiema kollha fuq dawn is-siti jinsabu ħerqana għal aktar attività. Tenniet li huma jinsabu kunfidenti li n-numri ta’ viżitaturi se jiżdiedu maż-żmien hekk kif dawn is-siti huma mfittxija ferm minn turisti madwar id-dinja.

Hija sostniet: “Bħalissa fortunatament qed jiġu nies fis-siti tagħna, qed jiżdiedu naqra naqra, mhux l-ammonti li kellna qabel ovvjament imma qed jiżdiedu għax ħafna mit-turisti li qed jiġu f’pajjiżna huma turisti li jfittxu l-kultura. U din it-tip ta’ kultura, bħal m’għandna hawnhekk li huma t-tempji preistoriċi pereżempju, bilfors trid tiġi Malta għalihom. Allura fortunatament diġà qegħdin niġbdu l-viżitaturi lejn pajjiżna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend