L-għajnuna qed tissarraf f’santwarju kenni u komdu għall-klieb

F’għodwa sabiħa sbaħna l-Mellieħa, fejn fost l-inbiħ u t-tferfir tad-denb dħalna fis-santwarju tal-klieb Noah’s Ark fejn bħalissa għaddej proġett biex post il-klieb ikun f’kundizzjoni tajjeb u li jilqa’ għal temperaturi għoljin jew kesħin fl-istaġuni tas-sajf u x-xitwa.

Tkellimna ma’ Fabio Ciappara il-President tal-għaqda mhux governattiva Noah’s Ark, li flimkien ma’ numru ta’ voluntiera  jieħdu ħsieb mal-ħamsin kelb li bħalissa jinsabu fis-santwarju.

Huwa spjegalna x’qed isir permezz tal-fondi li qed jinġabru.

Ciappara stqarr, “Bħalissa għaddejjin bil-proġett biex nibdlu dawn il-pens li qed taraw biex nagħmlulhom madum, insulation ġdid, insulation ġdid hawn. Għax dawn ilhom hawn mit-2016, allura nippruvaw li kull kelb ikun komdu. Komdu fis-sajf għax iżomm is-sħana u komdu fix-xitwa għax iżommu l-post sħun.”

Il-President kompla jgħid li l-organizzazzjoni dejjem tkun fil-bżonn tal-fondi biex isostni l-klieb li jkunu abbandunati. B’mod speċjali fi żmien ta’ sfida tal-imxija, fejn il-ħidma f’Noah’s Ark ma qatgħet xejn.

Hu qal, “Aħna hawn nieħdu klieb abbandunati u klieb li jġibulna l-Animal Welfare jew jiġbruhom ikunu taħt kundizzjonijiet xejn m’huma sewwa u nżommuhom aħna u nipprovaw insibulhom home aħna wkoll. Kull kelb li jidħol hawn jiġi msewwi, kollha, jiġifieri kull min ħa jaddotta minn hawn, il-klieb kollha msewwijin.”

L-appell dejjem jibqa’ wieħed biex il-pubbliku jgħin finanzjarjament lil dawn l-organizzazzjonijiet li jiddedikaw il-ħin liberu tagħhom jgħinu lill-annimali li fihom jerġgħu jsibu l-imħabba.

Il-post nadif tazza u l-kundizzjoni tajba li jinsabu fiha l-klieb jixhed dan kollu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend