Sett ta’ appostli tal-fidda jirritorna fil-Kon-Katidral

Fl-okkażjoni tal-għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral, irritorna sett t’appostli tal-fidda li jmur lura għall-elf disa’ mija, tmienja u sebgħin.

Is-sett tal-fidda jikkonsisti fi ħmistax-il biċċa; it-tnax-il appostlu u tliet personaġġi oħra tal-Verġni Marija, San Ġwann il-Battista u San Mattew.

Dawn kienu kkummissjonati lill-artist Antonio Arrighi minn bosta benefatturi bejn l-elf seba’ mija u wieħed u erbgħin u l-elf sebgħa mija u tlieta u erbgħin.

Anthony Casha, uffiċjal fi ħdan il-Fondazzjoni, spjegalna kif dan is-sett għandu storja mżewqa, u f’żewġ każijiet, l-istatwi kienu se jiddewbu għall-metall prezzjuż tagħhom.

Qal, “Fi żmien il-Franċiżi dawn kienu ser jiġu mdewba mill-Franċiżi stess, meta dawn kienu jokkupaw lil Malta. Però l-Kapitlu tal-Katidral kien iddeċieda li jifdi dan l-appostolat għal darbtejn. B’hekk baqgħu jiġu gawduti minnha lkoll għax kieku ma sarx dak l-intervent tal-Kapitlu, kieku dawn ġew imdewba mal-bqija tal-affarijiet l-oħra li ħadu l-Franċiżi magħhom.”

Fil-bidu tas-seklu dsatax, dawn l-istatwi ttieħdu fil-Katridral tal-Imdina u sal-lum il-ġurnata jiġu armati f’diversi okkażjonijiet matul is-sena.

Wara li jintemmu ċ-ċelebrazzjonijiet, dan is-sett mistenni jirritorna fil-Mużew tal-Katidral fl-Imdina fil-post permanenti tal-esebizzjoni.

Il-Fondazzjoni tal-Kon-Katridal, twaqqfet fis-sena elfejn u waħda, u tieħu ħsieb restawr u xogħol ieħor marbut mal-preservazzjoni ta’ wirt storiku u reliġjuż.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend