Għaqdiet sportivi jgawdu minn inċentiv favur l-ambjent

B’investiment ta’ miljun ewro, erbgħin organizzazzjoni sportiva gawdew minn skema tal-Gvern u qed jinvestu f’apparat u tagħmir aktar effiċjenti.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima, fejn intqal kif dawn l-għaqdiet għamlu aktar minn sittin proġett permezz ta’ dan l-investiment.

Rappreżentanti ta’ diversi għaqdiet faħħru din l-inizjattiva li qed tgħinhom jaraw tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl fl-istess waqt li jgawdi l-ambjent b’miżuri sostenibbli.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif bosta għaqdiet ħadu sehem f’din l-iskema u din se tkompli tgħin biex l-għaqdiet jibqgħu sostenibbli.

Qalet, “Naf kemm dawn l-organizazzjonijiet sportivi jagħmlu xogħol mat-tfal tagħna u fil-komunitajiet tagħna. Permezz ta’ din l-inċentiv, komplessivament qegħdin ngħinuhom biex ikunu qegħdin niffrankaw mal-€100,000 fis-saħħa fil-konsum tal-enerġija.”

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal kif inizjattivi bħal dawn jgħinu lill-komunità u jixhdu l-irwol importanti tal-isport.

Spjega, “Proġetti sportivi illi jkomplu jikkonfermaw kemm l-isport għandu l-irwol ċentrali fil-ħajja tal-irħula Maltin, tal-bliet Maltin. Fuq kollox l-isport huwa essenzjali sabiex jassigura li jkollok aktar sostenibiltà fil-komunitajiet tagħna.”

Din l-inizjattiva tal-Gvern qed tgħin biex jiġu frankati mat-tliet mija u erbgħin tunnellata f’emissjonijiet tal-karbonju fis-sena.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend